Bonnici jkeċċi lil min biddel il-Wikipedia ta’ Omtzigt

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici temm il-kuntratti ta’ persuna li bidlet il-profil tal-Wikipedia ta’ Pieter Omtzigt, ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li Bonnici ttermina l-kuntratti kollha “b’effett immedjat”. Il-persuna kellha kuntratti ta’ konsulenza għal diversi snin fi ħdan il-Ministeru.

Skont il-Ministru, investigazzjoni teknika żvelat li fil-ġimgħat li għaddew il-persuna użat kompjuter reġistrat fuq il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex tbiddel il-profil tal-Wikipedia ta’ Pieter Omtzigt.

Fuq Twitter, il-MP tal-PN Jason Azzopardi qal li hemm bżonn li jittieħdu passi kriminali. Talab ukoll biex l-isem tal-persuna jiġi ppubblikat.

Aktar tard il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-persuna identifikata ma kinitx konsulent tiegħu u lanqas ma kienet tifforma parti mill-istaff privat tiegħu.

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropea dwar l-assassinju tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia Pieter Omtzigt qal li l-missjoni tiegħu biex jinvestiga l-każ kienet l-aktar waħda diffiċli tiegħu. Spjega li l-paġna tal-Wikipedia tiegħu nbidlet f’Ottubru minn IP address li kienet ġejja minn Ministeru f’Malta b’allegazzjonijiet foloz.