Bonett jibda bil-ħidma biex jippreżenta l-viżjoni tiegħu għall-futbol Malti

Chris Bonett, kandidat għall-President tal-Malta Football Association (MFA) beda bil-ħidma tiegħu biex jippreżenta l-viżjoni tiegħu għall-futbol Malti lill-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri. Bonett tul l-aħħar tal-ġimgħa ħadem biex wassal il-pjan li għandu għall-futbol Malti. Huwa qed juża t-tema Klabbs fuq Nett.

Hu qal li l-pjan fasslu wara għadd ta’ laqgħat u konsultazzjonijiet mal-klabbs. Bonett qal li issa qed jiddiskuti l-programm li fassal mal-persuni li magħhom irid iwettaq il-pjan li ddeskrivih bħala ‘pjan ambizzjuż’. Chris Bonett sostna li hemm għatx kbir ta’ bidla fil-futbol Malti. Hu qal li qed jikkontesta biex iġib il-bidla fil-futbol Malti.