Bondi u Busuttil imħallsin biex jorganizzaw Gozo Alive

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-uniċi membri mill-bord organizzattiv għall-Gozo Alive li tħallsu kienu Lou Bondi u Felix Busuttil.
Qalet li l-bord kien iffurmat minn 8 membri u spjegat li dawn iż-żewġ uffiċjali nħatru permezz ta’ direct order filwaqt li l-membri l-oħrajn jaħdmu fis-settur pubbliku.
Meta kienet qed twieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru ġġustifikat il-ħruġ tad-direct order billi qalet li ma jkunx dejjem possibbli li tinħareġ sejħa għall-offerti minħabba li l-attività ġieli tkun tirrikjedi artist partikolari skont l-istess attività.
Dwar dan Newsbook.com.mt talab lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana biex tgħid minn kienu l-membri l-oħra tal-bord, x'pożizzjoni kellhom Bondi u Busuttil fuq il-Bord u kemm tħallsu.
L-ispiża tal-artisti għal Gozo Alive telgħet għal €104,000
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-ispiża relatata mal-artisti li ħadu sehem fil-festival `Gozo Alive` kienet ta’ madwar €104,000.
Meta kienet qed jirrispondi għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru qalet li dan il-festival kien suċċess kbir u serva biex żdiedet il-promozzjoni għal Għawdex kemm lokalment u anke internazzjonalment. 
Hi qalet li l-Gozo Alive kellu wkoll impatt ekonomiku sostanzjali tant li l-kumpanija Gozo Channel ġarret ’il fuq minn 54,000 passiġġier matul l-weekend tat-18, 19, u 20 ta' Mejju 2018
Hi kompliet li festivals u attivitajiet oħrajn simili, inkluż bl-appoġġ tal-Gozo Tourism Association u l-Gozo Business Chamber, se jkomplu jsiru matul din is-sena stess, partikolarment is-sajf li ġej.
Tista' tara l-filmati ta' Gozo Alive hawnhekk.