Bon Jovi b’ristorant għal min m’għandux flus

Soul Kitchen huwa ristorant li forsi ħafna minnkom qatt ma semgħu bih iżda huwa katina ta’ ristoranti li l-moħħ warajhom mhu ħadd ħlief ir-rocker Jon Bon Jovi. Dan l-artist huwa magħruf għall-fatt li jħobb jgħin lil ħaddieħor u dawn ir-ristoranti huma biss parti mill-proġett fejn jagħmel proprju dan.

Allura tistaqsu, kif jaħdem l-operat ta’ dan ir-ristorant?

Soul Kitchen jilqa’ lil kulħadd, dawk li jifilħu jħallsu għal ikla u dawk li ma jistgħux.

Il-flus li jidħlu minn dawk li jifilħu jħallsu jmorru għall-Jon Bon Jovi Foundation li jissussidjaw ir-ristoranti, filwaqt li dawk li ma jistgħux iħallsu għandhom żewġ alternattivi, dik li jew iħallsu dak li jistgħu jew inkella joffru siegħa xogħol fil-kċina li huwa ekwivalenti għal ikla ta’ familja ta’ erbgħa fl-istess ristorant.

L-inizjattiva li ħa Bon Jovi ntlaqgħet tajba u ilha għaddejja għal dawn l-aħħar snin, bl-artist dejjem jara kif jiftaħ aktar minn dawn it-tip ta’ ristoranti, u mhux l-ewwel darba li dan l-artist mar imidd idejh biex iservi huwa stess l-ikel lil dawk li ma jifilħux iħallsu.