Bomba suwiċida f’moskea toqtol 26 persuna

Reuters

Bomba suwiċida f’moskea li tinsab f’bażi tal-armata fil-Lvant tal-Afghanistan qatlet minn tal-inqas 26 persuna u darbet 50 oħra ilbieraħ. Fuq Reuters ġie rrappurtat li uffiċjali tas-sigurtà kienu fiż-żona u li ma kienx hemm min ħa r-responsabbiltà tal-inċident b’mod immedjat.

Skont uffiċjal tas-sigurtà, il-vittmi kienu qed jitolbu fil-moskea fid-disrett ta’ Ismail Khel fil-provinċja ta’ Khost. Kelliem għall-armata qal li dawk kollha li nqatlu fl-attakk suwiċida kienu qed jaħdmu għall-forzi tas-sigurtà Afghani.

It-Taliban li bħalissa qed imexxu gwerra sabiex ikeċċu lill-Gvern Afghan li għandu s-sapport tal-Punent tal-pajjiż u li jridu jkeċċu forzi barranin mill-pajjiż, bdew serje ta’ attakki fuq il-forzi tas-sigurtà fl-aħħar ġimgħat.

Mijiet ta’ gwardji tas-sigurtà Afghani nqatlu, filwaqt liċ-checkpoints tagħhom ġew meqruda u l-armamenti tagħhom misruqa.