Bomba-suwiċida f’Sinaj tħalli 10 mejta

Minn tal-inqas 10 mietu, fosthom kurunell, u 20 indarbu, f’bomba-suwiċida f’checkpoint fit-Tramuntana ta’ Sinaj, l-Eġittu.
Persuna li kien qed isuq karozza mimlija splussivi baqa’ dieħel għal fuq l-uffiċjali tal-militar li kienu stazzjonati f’dan il-post li fih jiġu ċċekkjati persuni għal dokumenti a’ vvjaġġar.
Huwa rrappurtat li għadd ta’ persuni oħra, armati b’armi tan-nar, qabdu jisparaw għal fuq in-nies.
Għalkemm sa issa ħadd għadu ma refa’ r-responsabbiltà tal-attakk, l-Eġittu sofra attakki simili fl-aħħar snin, speċjalment f’din in-naħa tal-pajjiż, u l-aktar mill-grupp tal-ISIS.
Riċentement, l-ISIS wettqu 4 attakki fuq il-minoranza reliġjuża ta’ Kristjani Kopti, li ħallew għexieren mejta u sfurzaw lill-President Abdel fattaħ el-Sisi jiddikjara stat ta’ emerġenza.
Il-fazzjoni tal-ISIS fis-Sinaj tidher li se tkun l-aktar waħda prominenti, hekk kif fazzjonijiet oħra fis-Sirja, l-Iraq, il-Libja u l-Jemen qed kulma jmur dejjem jitilfu t-territorji tagħhom.