Aġġornata: Bomba ma’ karozza fil-Fgura; il-Pulizija tinvestiga

Il-Pulizija qed tinvestiga bomba li tqiegħdet ma' karozza pparkjata fil-Fgura.
Il-Pulizija ssejħu fi Triq Sant'Antnin għall-ħabta tas-6.30pm, u wara l-ewwel investigazzjonijiet issejħu l-Forzi Armati ta' Malta mit-Taqsima tal-Bomb Disposal Unit, u t-triq ingħalqet.
Kien ħoss stramb ġej mill-karozza li ġibed l-attenzjoni, fejn instab li kien hemm bomba mal-karozza, li ma ħaditx.
Hu mifhum li sid il-karozza, Mitsubishi Shogun, hu negozjant Għawdxi magħruf mal-Pulizija.
Għall-ħabta tal-10pm, il-Gvern ħareġ stqarrija fejn qal li l-Forzi tal-Ordni llejla jinsabu impenjati biex ineħħu kull periklu. Fost dawn hemm membri tal-Explosive Ordnance Unit.
Il-Gvern qal ukoll li hu impenjat biex jinstab min kien responsabbli ta' dan l-att, li sejjaħ infami u kodard, u li seta' kellu konsegwenzi mill-aktar gravi, anke għal terzi persuni. 
L-istqarrija tgħid ukoll li l-forzi tas-sigurtà se jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex "anke dan il-każ jiġi riżolt".
Itemm jirringrazzja u jagħti l-appoġġ lil kull min kien dak il-ħin involut fl-operazzjoni biex titneħħa l-bomba.
Min-naħa tagħha l-Pulizija kkonfermat li l-oġġett li nstab biswit il-karozza kien fil-fatt splussiv.
Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera fetħet inkjesta maġisterjali dwar il-każ.