​Bomba Fgura: Ordnalu jarmi l-mowbajl minn fuq is-sur

Fil-Qorti nstema’ kif wieħed mit-tliet akkużati fil-każ tal-bomba tal-Fgura ta’ Jannar li għadda ġie ordnat jitfa’ l-mowbajl tiegħu minn fuq sur biex jeħles minnu.
Illum fil-Qorti kompla jinstema’ l-każ tat-tliet irġiel akkużati li ppruvaw joqtlu lil Mario Scicluna permezz ta’ bomba li tpoġġiet taħt il-karozza tiegħu fil-Fgura f’Jannar li għadda.
F'Jannar, Il-Pulizija ssejħu fi Triq Sant'Antnin għall-ħabta tas-6.30pm, u wara l-ewwel investigazzjonijiet issejħu l-Forzi Armati ta' Malta mit-Taqsima tal-Bomb Disposal Unit, u t-triq ingħalqet. Kien ħoss stramb ġej mill-karozza li ġibed l-attenzjoni, fejn instab li kien hemm bomba mal-karozza, li ma ħaditx.
Il-Pulizija qalet li l-bomba li ma splodietx ġiet attivata minħabba li l-mowbajl li kien imqabbad magħha kellu batterija baxxa.
Il-Pulizija spjegaw kif dawk fil-mira tal-attakk semgħu ħoss qawwi u raw duħħan ħiereġ minn taħt waħda mill-karozzi tagħhom.
Skont il-Pulizija, il-bomba kienet taħdem permezz ta’ apparat (sensor) li huwa sensittiv għad-dawl. Dan is-sensor kien quddiem skrin ta’ mowbajl biex meta dan jixgħel meta ssir telefonata, tiskatta l-bomba.
Peress li l-batterija tal-mowbajl kienet baxxa, il-mowbajl beda jixgħel biex javża dwar dan. B’hekk xegħel l-iskrin, id-dawl waqa’ fuq is-sensor, u s-sensor bagħat is-sinjal biex jattiva l-bomba.
Il-Pulizija sabet li s-SIM kard tal-mowbajl kienet inxtrat mill-Bormla u li ġiet attivata f’Mejju tal-2017.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li wara li ħarġet l-aħbar tal-bomba fil-midja, qam paniku bejn it-tliet irġiel. Saret telefonata lil wieħed minnhom bl-ordni biex jitfa’ l-mowbajl minn fuq is-swar.
Tfittxijiet li saru mill-Pulizija b’rabta mal-każ irriżultaw fis-sejbien tad-droga, arma tan-nar, u mowbajls.