Bomba Fgura: Il-vittma jgħid li ssakkar id-dar ġranet sħaħ

Il-vittma fil-każ tal-attentat ta’ karozza bomba fil-Fgura f’Jannar li għadda, qal fil-Qorti li fil-jiem ta’ wara l-attentat baqa’ imsakkar id-daru bil-biżà.
Fil-Qorti dalgħodu kompla jinstema’ l-każ kontra t-tliet irġiel, akkużati li wettqu atti kriminali li jinkludi l-ħidma nnifisha jew il-kummissjoni tal-ħidma ta’ splussiv intenzjonat biex joqtol lil negozjant tal-karozzi.
L-akkużati huma żewġt aħwa, raġel ta’ 34 sena mix-Xghajra, u ieħor ta’ 29 sena minn Birżebbuġa, flimkien ma’ raġel ieħor ta’ 49 sena mill-Qrendi.
Fis-seduta tal-lum, il-prosekuzzjoni spjegat kif il-bomba ma ħaditx minħabba li l-mowbajl imwaħħal magħha ma kellux biżżejjed batterija u n-notifika ‘Battery Low’ tellfet l-attivazzjoni tal-bomba.
Aktar kmieni fix-xhieda li ta r-raġel, huwa qal li wieħed mill-akkużati mar għandu d-dar wara l-attentat u esprima solidarjetà miegħu. Dan filwaqt li qal li akkużat ieħor kien jgħaddi ta’ spiss minn quddiem id-dar u saħansitra f’darba minnhom kien sellimlu.
Is-sieħba tal-vittma u l-omm tat-tliet itfal xhedet fil-Qorti u spjegat il-mument li semgħet il-ħoss meta kienet qed titawwal mill-gallarija.
Meta nġabru n-nies, il-mara ddeċidiet li tmur tiċċekkja x’kien ġara u qalulha li kien hemm xi apparat fl-art.
Iddikjarat ukoll li ma taf lill-ebda mit-tliet akkużati.