Bomba Fgura: Ħelsien mill-arrest għat-3 akkużati

Ingħataw il-ħelsien mill-arrest it-tlett irġiel akkużati li għamlu bomba li ma ħaditx, ma’ karozza fil-Fgura f’Jannar li għadda.  Dan ħareġ dalgħodu f’digriet mill-Imħallef Antonio Mizzi.

It-tlett irġiel wieġbu mhux ħatja ta’ attentat ta’ qtil ta’ Mario Scicluna u Elaine Galdes. Lanqas m’ammettew li kienu parti minn grupp kriminali, li kkomplottaw reat u li kellhom għandhom materjal splussiv għal skopijiet illegali.

Separatament l-akkużati qed jiġu mixlija wkoll b’pussess ta’ arma tan-nar bla liċenzja, droga konnabis u eroina, u b’pussess ta’ ammont kbir ta’ sigaretti bil-kuntraband.

Minkejja l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €70,000 u depożitu ta’ €30,000 kull wieħed.  Kollha jridu jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-Pulizija u ma jistgħux joħorġu mid-dar bejn id-9pm u s-6am.

F’Jannar, il-Pulizija ssejħu fi Triq Sant’Antnin għall-ħabta tas-6.30pm. Kien ħoss stramb ġej mill-karozza li ġibed l-attenzjoni, fejn instab li kien hemm bomba mal-karozza, li ma ħaditx. Il-Pulizija kienet qalet li l-bomba li ma splodietx ġiet attivata minħabba li l-mowbajl li kien imqabbad magħha kellu batterija baxxa.

Il-każ ikompli.