Aġġornata: Għexieren mejta fi splużjoni f’ċentru ta’ taħriġ militari fil-Libja

Aġġornata fl-4:30pm:
L-attakk ta’ dalgħodu fil-Libja, f’ċentru ta’ taħriġ tal-Pulizija, ħalla mill-inqas 47 persuna mejta u mal-100 oħra midruba.
L-attakk seħħ bi trakk tal-ilma li kien mimli bl-isplussiv.
Dan hu wieħed mill-iktar attakki li ħalla vittmi fil-Libja fl-aħħar snin u seħħ fi żmien meta l-isptarijiet fil-pajjiż ma jistgħux ilaħħqu man-nuqqas ta’ provvisti.
Ħadd għadu ma ħa r-responsabiltà ta’ dan l-aħħar attakk għalkemm l-Istat Iżlamiku attakka diversi portijiet taż-żejt fl-aħħar jiem.
Grupp qrib l-Istat Iżlamiku, bl-isem Aamaq, qal li l-attakk kien “att ta’ martirju”.
Iktar kmieni:
Bomba li splodiet f’ċentru ta’ taħriġ tal-Pulizija fil-Libja ħalliet għexieren midruba.
Iċ-ċentru attakkat, fi Zliten fin-naħa tal-Punent tal-Libja, kien bażi militari fi żmien Muammar Gaddafi.
Minn ħames snin ilu, minn meta nqatel Gaddafi, il-Libja għadha ma tistax issib stabilità bi tħassib dejjem jikber li l-militanti tal-Istat Iżlamiku jisfruttaw is-sitwazzjoni.
Iktar kmieni llum, l-Istat Iżlamiku reġa’ attakka żewġ impjanti taż-żejt wara attakki simili fl-aħħar jiem.