“Boloh aħna! Nitkellmu fuq il-korruzzjoni u nbiegħdu n-nies mill-PN”

B’sens provokatorju, d-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li l-membri tal-Oppożizzjoni huma boloh li qed ikomplu jitkellmu dwar il-korruzzjoni għaliex iktar ibiegħdu nies mill-Partit Nazzjonalista.

Meta kien qed jitkellem waqt id-diskussjoni fit-tieni qari dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att kontra l-Ħasil tal-Flus, Vassallo staqsa “is-sewwa llum min iridha?”

Madanakollu, Vassallo insista li anki f’dawn iċ-ċirkustanzi l-Partit Nazzjonalista għandu jibqa’ jitkellem dwar il-korruzzjoni.

Vassallo qal li l-Gvern Laburista daħħal kultura impunità fejn il-persuni mhux korrotti huma meqjusa bħala stupidi. Stqarr li l-korruzzjoni saret ‘a way of life’ għax il-Gvern qed jilqagħha b’idejh miftuħa.

Delia l-uniku politiku li beża’ mill-inkjesta – Agius Decelis

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis qal li l-uniku politiku li sal-lum beża’ minn inkjesta kien il-kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Agius Decelis qal li Delia mal-ewwel opportunità li kellu waqqa’ l-każijiet ta’ libell u ma talabx inkjesta independenti.

Huwa qal li l-Gvern moħħu mistrieħ għax iħalli f’idejn il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna. Agius Decelis saħaq li l-pajjiż illum qiegħed f’pożizzjoni li jimplimenta din il-liġi tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-ħames direttiva kontra l-ħasil tal-flus (5th AMLD) grazzi għall-Partit Laburista. Fi kliemu, għall-kuntrarju l-Partit Nazzjonalista kien kapaċi biss idaħħal lill-pajjiż f’excessive deficit procedure.

“Jekk l-arma tagħna hi l-pinnur, tiegħek x’għandha tkun Prim Ministru?” – Bartolo

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo fakkar kif fl-2010, il-Prim Ministru Joseph Muscat dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni kien stqarr li min ma jiġġilidx il-korruzzjoni hu korrott. Hu staqsa “lilna l-Prim Ministru qed jagħtina l-parir biex l-arma nagħmluha pinnur u tiegħu kif se nagħmluha?”

Bartolo qal kif il-Gvern ma jistħix quddiem il-ħaddiema li jqumu fil-5 ta’ filgħodu, quddiem dawk li jgħixu fil-garaxxijiet u quddiem il-pensjonanti.