Bojkott għall-V18 mill-Kapitali Ewropea Olandiża

Il-belt tan-Netherlands li qed taqsam mal-Belt Valletta, it-titlu tal-Kapitali Ewropea għall-Kultura, iddeċiediet li tibbojkottja kull stedina mill-Fondazzjoni Valletta 2018.
Fi stqarrija fuq is-sit tagħha, il-Fondazzjoni Leeuwarden-Fryslan 2018 qalet li dan minħabba l-insulti li qed jgħaddi ċ-Ċermen tal-V18 Jason Micallef fil-konfront tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Spjegat li sakemm il-V18 ma titbiegħedx mill-kummenti b’”ton offensiv” dwar il-ġurnalista assassinata, mhux se tibgħat rappreżentanti uffiċjali lejn il-Belt Valletta.
LF2018 insistiet li lanqas mhu se tistieden lil V18 għall-attivitajiet tagħha.
Il-Fondazzjoni qalet li temmen li l-valuri tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura jinsabu taħt pressjoni minn rappreżentanti tal-V18. Fissret li dan minħabba kif l-organizzazzjoni tal-V18 qed taġixxi fuq il-mezzi tas-soċjali dwar il-qtil tal-ġurnalista.
Madanakollu qalet li se tibqa’ fil-proġetti li għandha fil-programm tal-Valletta2018, iżda li l-artisti se jkunu liberi dwar il-forma u l-kontenut li jridu jgħaddu fil-proġett.
Fil-jiem li għaddew, LF2018 kienet qalet fi stqarrija li toġġezzjoni għal kull attakk fuq il-libertà artistika, il-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni.
Grupp kbir ta’ Ewroparlamentari (MEPs), kif ukoll 275 kittieba internazzjonali u n-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili talbu għar-riżenja tiegħu minħabba l-kummenti dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia f’San Patrizju, il-kummenti dwar il-mafkar tagħha, kif ukoll il-kummenti tiegħu fuq l-istrixxuni ta’ protesta dwar il-mewta tagħha.