Boiler nru 8 se jerġa’ jibda jaħdem … mistenni jkun hemm id-duħħan

Il-Boiler nru 8 li jinsab fil-power station tal-Marsa dalwaqt se jerġa’ jibda jaħdem wara li fix-xhur li ġejjin kien qed isirlu xogħol ta’ manutenzjoni.

Sakemm jitlesta mill-manutenzjoni, mhux se tkun qed tintuża l-kapaċità massima tal-boiler b’konsegwenza li fil-jumejn li ġejjin fiż-żona tal-Marsa jista’ jkun hemm id-duħħan.

Wara li jintemm dan il-proċess u Boiler nru 8 jibda jopera b’mod normali, se jibda proċess ieħor ta’ manutenzjoni fuq Boiler nru 7 li se jkun qed jintefa’ meta jibda jopera Boiler nru 8.

L-Enemalta qalet li l-proċess ta’ manutenzjoni fuq Boiler nru 7 mistenni jdum bejn xahrejn u tlett xhur. Imbagħad se jkun qed jinżamm standby għall-perjodu tas-sajf meta d-domanda għall-elettriku tiżdied.

Il-Gvern qal li hu kommess li tingħalaq u tintefa’ l-power station tal-Marsa kif ukoll, il-power station ta’ Delimara magħrufa bħala Phase 1, skont l-obbligi Ewropej.
Sal-lum, bħala parti minn dan il-proċess diġà ngħalqu u m’għandhomx aktar joperaw erbgħa boilers; Boiler nru 3,4, 5 u 6.