Body scanners fil-ħabs biex ma jiddaħħlux oġġetti projbiti

DOI - Jeremy Wonnacott

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jiddaħħlu body scanners mgħammra b’teknoloġija avvanzata biex jonqos id-dħul ta’ oġġetti projbiti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Huwa qal dan waqt il-preżentazzjoni tal-ittra tal-ħatra lil ħames fizzjali fi ħdan id-Diviżjoni tas-Servizzi Korrettivi li qal qed twassal għal ristrutturar fit-tmexxija.

Il-Ministru Farrugia semma wkoll li mal-bidu tas-sena l-ġdida se ssir bidla fil-kwalità u fl-ikel provdut lir-residenti tal-Faċilità Korrettiva b’menu li jagħżlu minnu u li jinbidel kuljum fuq perjodu ta’ ġimagħtejn.

Ħabbar li se jibdew diskussjonijiet biex il-priġunieri jibdew jintbagħtu għall-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga malli jidħlu fil-Faċilità, u mhux sena qabel ma jiskontaw is-sentenza tagħhom.