B’nostalġija l-President tindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill Ewropew

Dalgħodu fi Strasburgu, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mid-dħul ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa.
Fid-diskors tagħha, il-President qalet li b’sens ta’ nostalġija qed tindirizza din l-Assemblea hekk kif fil-karriera politika tagħha, hi ukoll kienet isservi bħala membru.
Hija tkellmet fuq bosta temi fosthom it-terroriżmu, l-immigrazzjoni, il-faqar fl-Ewropa, il-vjolenza domestika u l-ugwaljanza.
Fuq il-problema tal-immigrazzjoni, il-President qalet li filwaqt li l-pjan biex jiġu salvati għadd ta’ nies minn fuq il-baħar qed jiżdiedu, hemm bżonn isir aktar xogħol.  Il-President spjegat li din is-sitwazzjoni trid tiġi indirizzata b’kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-Mediterran u ma’ dawk tal-Afrika ta’ Fuq. 
Il-President tkellmet fuq inġustizzji kontra n-nisa, bħal fil-politika fejn m’humiex irrappreżentati biżżejjed f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, u fuq id-diskriminazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol.