Bniedem tal-fidi li ħadem għal dinja iktar umana – Fr Joe Borg dwar Manni Spiteri

Manni Spiteri kien bniedem tal-fidi qabel ma kien bniedem tal-midja.
Manni ħadem biex il-komunikazzjoni tkun iktar ġusta, veritiera u li twassal għal dinja iktar umana.
Fuq ir-redifjuxin, fuq l-istazzjon nazzjonali u fil-midja tal-Knisja, fost l-ohrajn, leħnu kien mistenni minn ħafna speċjalment meta r-radju bħala mezz ta’ komunikazzjoni kien l-iktar b'sahhtu.
Fr Joe Borg, eks Ċermen ta’ RTK u ta' Media Centre, qal dan fl-omelija tal-funeral ta’ Manni Spiteri dalgħodu hekk kif irrakkonta kif kien ħajru biex jingħaqad mal-midja tal-Knisja. Mannie miet nhar it-Tlieta fid-dar tiegħu stess.
Fr Joe Borg spjega li Manni kien ħaddiem mill-iktar professjonali u entużjażmat.
Fakkar kif 35,000 dar f’Malta xtraw il-Bibbja f’volum wieħed grazzi għall-ħidma tiegħu.
Iddeskriva lil Manni bħala ġentlom li qatt ma qata’ qalbu mix-xogħol u bħala persuna ġentili u ddedikat anke lejn l-aħħar ta’ ħajtu.
“Aħna llum, waqt li nirringrazzjaw lil Alla għal dak li ħallielna Manni, nistaqsu jekk fil-ħidma tagħna aħniex ispirati mill-Kelma t'Alla, mis-sistema ta' valuri u stil ta' ħajja li għex Ġesù u li jridna ngħixu – li miegħU rridu nibnu dinja aħjar, iktar ġusta, iktar ħanina u b'iktar imħabba", sostna Fr Joe Borg.