BNF Bank jiċċelebra d-disa’ Fun Run

Eluf ta’ persuni mxew u ġrew mill-Università, Santa Venera, Raħal Ġdid u mir-Rabat lejn Pjazza ta’ San Ġorġ fil-Belt Valletta, fejn ingħaqdu f’atmosfera fantastika għad-disà edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run, bis-sapport ta’ BNF Bank.
Organizzat mill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund flimkien ma’ SportsMalta, dan l-avveniment annwali sar wieħed mistenni minn kulħadd, fejn fih jinġabru fondi konsiderevoli għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, biex tkun tista’ tingħata għajnuna bżonnjuża lil diversi istituzzjonijiet tal-karità u individwi fil-bżonn. Is-sapport ta’ BNF Bank imur lura għall-ewwel edizzjoni tal-Fun Run, għaliex il-Bank jemmen li l-għajnuna lejn il-qasam filantropiku, kif ukoll is-saħħa fiżika u emozzjonali, huma elementi importanti ħafna fir-responsabbiltà korporattiva tal-Bank.
“L-entużjażmu u l-ġenerożità tal-Maltin jispikkaw meta jingħaqdu flimkien għal għan ewlieni biex jinġabru fondi għal dawk li huma fil-bżonn,” qal Dr Michael Frendo, iċ-Chairman ta’ BNF Bank. “F’isem BNF Bank, nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li mxew u ġrew b’ solidarjetà. Għal dawn l-aħħar disà snin, aħna żammejna l-impenn tagħna mal-MCCFF, ispirati dejjem mis-solidarjetà tal-Maltin. Prosit u grazzi lil kull min kien involut!”