Bnadar mezzasta b’rispett għal Miriam Pace; illum il-funeral

Aġġornat 05:47 PM
Miguela Xuereb

Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera se jħalli l-bnadar mezza lasta matul il-jum b’rispett għal Miriam Pace. Dan hekk kif illum se jkun qed isir il-funeral tagħha fis-2pm fil-Belt Valletta.

Fi stqarrija ppubblikata mill-Kunsill Lokali fuq Facebook, il-Kunsill qal li jifhem li dawn il-jiem huma jiem ta’ dieqa kemm għall-Familja Pace, ir-residenti ta’ l-akwati fejn seħħ it-tiġrif u wkoll għall-komunità Vendriża. Il-Kunsill sostna li nħasad bl-aħbar, speċjalment meta sar jaf li dan seħħ fi Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera u Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun.

Il-Kunsill qal li ma riedx jidħol fil-mertu ta’ x’seta’ wassal għal din it-traġedja. Dan hekk kif bħalissa hemm inkjesta Maġisterjali u proċess investigattiv għaddej. Qal iżda li jifhem li l-ebda tip ta’ niket ma’ jista’ jsabbar lill-familja, qraba u ħbieb ta’ Miriam. Qal ukoll li ħa jkun wara l-familja waqt dan it-tiġrib kollu u se jara li jkun ta’ għajnuna għar-residenti ta’ dik l-akwata wkoll.

Stqarrija UffiċċjaliIl-Ħamis 05 ta’ Marzu, 2020Fid-dawl tat-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Miriam Pace ta’ 55 sena…

Posted by Kunsill Lokali Santa Venera on Wednesday, March 4, 2020

L-MDA twaqqaf l-iskavar u t-twaqqiegħ ta’ bini għall-Ħamis

Intant, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA), ilbieraħ ħarġet direttiva lill-membri tagħha sabiex b’rispett għal Miriam Pace, illum ma jsir l-ebda xogħol ta’ skavar jew twaqqiegħ ta’ bini fis-siti kollha tal-kostruzzjoni fil-pajjiż. L-MDA qalet li dan qed tagħmlu bħala sinjal simboliku ta’ solidarjetà mal-vittma u l-familja tagħha.

Direttiva lill-Membri kollha tal-MDAWara t-tragedja li sehhet aktar kmieni din il-gimgha f’Santa Venera, li fiha…

Posted by Malta Developers Association on Wednesday, March 4, 2020

Ix-xogħol ta’ skavar f’Santa Luċija kompla xorta waħda – Aquilina

Intant, il-Membru Parlamentati Karol Aquilina qal li minkejja d-direttiva li l-MDA għamlet lill-membri tagħha, dalgħodu, ix-xogħol ta’ skavar f’Santa Luċija kompla xorta waħda. Hu qal dan filwaqt li ppubblika wkoll filmat tax-xogħol li allega ttieħed dalgħodu stess. Qal li dan ittieħed fiż-żona fejn qed isir proġett tal-Gvern.

Is-sit tal-proġett kellu permess għall-iżvilupp – PA

L-Awtorità tal-Ippjanar qalet fi stqarrija li s-sit ta’ kostruzzjoni maġenb id-dar ta’ Miriam Pace kien kopert minn permess għall-iżvilupp (PA6459/19). L-awtorità kompliet tgħid li wara li joħroġ il-permess tal-iżvilupp, ix-xogħol li jifdal lill-awtorità huwa li tassigura li x-xogħol ikun qed isir skont il-pjanijiet u l-kundizzjonijiet sottomessi fl-applikazzjoni. Qalet li l-metodu ta’ skavar fuq is-sit, is-sigurtà għall-propjetajiet ta’ terzi-parti, u affarijiet oħrajn relatati mas-sit ta’ kostruzzjoni huma barra mill-kontroll tal-awtorità.

Il-PA kompliet tgħid li persuna li tingħata l-permess għandha tissottometti n-notifika ta’ bidu tax-xogħol lill-Awtorità tal-Ippjanar sa mhux inqas minn ħamest ijiem qabel ma dan jibda. Qalet li minkejja dan, l-eżekuzzjoni tal-permess PA6459/19 għadu taħt sospensjoni ta’ 30 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu datata għat-12 ta’ Frar tal-2020. Għalhekk qalet li n-notifika tal-bidu tax-xogħol u d-data tal-bidu għal dan waqt il-perjodu ta’ sospensjoni ma jistax jiġi aċċettat.

L-awtorità spjegat li sakemm in-notifika tal-bidu tax-xogħol tiġi sottomessa b’mod validu lill-awtorità, uffiċjali tal-infurzar tar-regoli jżuru s-sit perjodikament sabiex jaraw li l-iżvilupp ikun qed isir skont il-pjanijiet. Qalet li l-awtorità ma tistax tqabbad lil dawn l-uffiċjali sabiex jispezzjonaw u jaraw li r-regoli tal-bini u l-kostruzzjoni jkunu qed jiġu segwiti. Qalet li din taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ aġenzija oħra.

The site adjacent to the house where Miriam Pace tragically lost her life on Monday afternoon was covered by development…

Posted by Planning Authority on Wednesday, March 4, 2020

Ir-riċerka li se jagħmel il-kumitat ta’ Abela diġà għamilniha aħna” – Il-Kamra tal-Periti

Il-Kamra tal-Periti stiednet lill-kumitat ta’ esperti mwaqqaf mill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jgħarbel id-dokument tagħha sabiex ma jintilifx żmien sakemm jidħlu fis-seħħ ir-riformi neċessarji.

Il-Prim Ministru Robert Abela ilbieraħ ħabbar it-twaqqif ta’ kumitat ta’ esperti mqabbda biex jevalwaw ir-regolamenti viġenti dwar il-bni u l-kostruzzjoni u biex wara jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Il-Kamra tal-Periti qalet li hi diġà ppubblikat dokument f’Mejju tal-2019 intitolat “A Modern Building and Construction Regulation Framework for Malta” wara sentejn ta’ riċerka. Qalet li dan id-dokument kien ġie mfassal minn kumitat ta’ esperti fis-settur maħtura mill-Kamra.

Id-dokument jikkonsisti f’evalwazzjoni komprensiva u fil-fond tas-sitwazzjoni preżenti, f’analiżi tal-problemi, u fl-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet li huma bbażati fuq riċerka dwar is-sistemi viġenti f’pajjiżi oħrajn. Il-proposti tal-kamra kienu ġew approvati mill-professjoni b’mod unanimu fil-Laqgħa Ġenerali Straordinarja li saret f’Ġunju tal-2019.

X’ġara nhar it-Tnejn?

Għall-ħabta tas-2.15pm it-Tnejn, il-Pulizija ġiet ifurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Antonio Miruzzi. Il-Pulizija talbet l-assistenza immedjata tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili u timijiet mediċi mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Transport Malta sabiex jinżamm kontroll tat-traffiku.

Bdiet ħidma immedjata biex tiġi salvata mara maqbuda qalb t-tifrik tad-dar li waqgħet. Kelb tas-Sezzjoni K-9 tal-Protezzjoni Ċivili, imħarreġ apposta biex ifittex qalb bini mwaqqa’, indika post qalb it-tifrik fejn setgħet kienet il-mara. Kienu għall-ħabta tal-9.55pm, x’ħin instab il-katavru tal-mara. Wara li l-kadavru nħareġ, ittieħed fil-Kamra Mortwarja ta’ Mater Dei.

Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

Preżenti fuq il-post kien hemm uffiċjali mill-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija sabiex jassistu lill-qraba tal-vittma u persuni oħra.