BMW tnaqqas il-profitti, Ferrari żżidhom

Matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, BMW raw il-profitti tagħhom jonqsu b’78 fil-mija għall-589 miljun ewro, minkejja żieda fil-kunsinna ta’ vetturi lussużi. Dawn ir-riżultati ġew affettwati minn żieda fl-ispejjeż għall-investimenti u spejjeż legali ta’ 1.4 biljun ewo. BMW ħabbret li qed tistenna profitti qabel it-taxxa li huma sostanzjalment inqas minn dawk tas-sena li għaddiet.

Il-Kummissjoni Ewropea ix-xahar li għadda saħħqet mal-manifatturi tal-karozzi Ġermaniżi li se jkunu qed jaffaċċjaw multi kbar f’dak li qed jiġi allegat bħala kollużjoni bejn il-ġganti Ġermaniżi fil-qasam tat-teknoloġija tal-emissjonijiet tal-karozzi. Minn naħa tagħhom BMW qed jirrifujtaw dawn l-allegazzjonijiet.

Minkejja li BMW qiegħda tinvesti iktar f’vetturi hybrid u li jaħdmu bl-elettriku, il-bejgħ tagħhom mhux qed iħalli r-riżultati mixtieqa. Analisti f’dan is-settur huma tal-fehma li dawn ir-riżultati juru andament negattiv għal grupp BMW u li l-kumpanija se jkollha bosta sfida sabiex tkun tista’ tibdel ir-rotta.

Portofino jżid id-dħul għall-Ferrari

Il-kumpanija tal-karrozzi lussużi Taljani Ferrari ikkonfermat tkabbir fid-dħul tagħha matul l-ewwel xhur ta’ din is-sena. Ferrari rat żieda ta’ 14 fil-mija fid-dħul fl-2019 partikolarment minħabba il-mudell ‘Portofino’ li intlaqa’ tajjeb mis-suq tad-dillettanti tal-Cavallino Rampante.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Ferrari Louis Camilleri spjega li għalkemm ir-riżultati huma posittivi ħafna, jippreferi jistenna sat-tieni kwart ta’ din is-sena biex iqabbel iċ-ċifri finanzjarji fuq medda itwal, iżda l-indikazzjonijiet huma li Ferrari mistennija jkollhom sena tajba fil-profitti.

Camilleri li s-sena li għaddiet ħa t-tmexxija tal-Ferrari wara l-mewt ta’ Sergio Marchionne spjega li l-Ferrari qed iqisu liċ-Ċina bħala opportunità kbira iżda jeħtieġ ftit żmien biex tkun msarrfa f’suċċess.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net. L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.