“Blokka ta’ 8 appartamenti se tgħatti l-bajja tax-Xlendi”- Moviment Graffitti

Read in English.

Moviment Graffitti qed jappella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tirrifjuta applikazzjoni għal żvilupp massiv li se jkun jikkonsisti fil-bini ta’ blokk ta’ appartamenti ta’ tmien sulari, u li skontu se jkun qed jgħatti l-bajja tax-Xlendi u l-binjiet tal-madwar.

Fi stqarrija Moviment Graffitti qal li d-deċiżjoni se tinqata’ għada, u minkejja l-fatt li bosta residenti semmgħu t-tħassib tagħhom u oġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp, il-case officer irrakkomanda li għandu jiġi approvat. Il-Moviment qed jisħaq li jekk jiġi approvat, dan l-iżvilupp se jkun qed jhedded li jeqred għal kollox il-ftit li fadal mill-karattru oriġinali tax-Xlendi u jkerrah iż-żona kollha.

L-NGO qal li dan l-iżvilupp mhuwiex l-uniku wieħed li qed jhedded li jwassal għal aktar urbanifikazzjoni taż-żona. Fil-fatt, żvilupp massiv ieħor biswit il-blokk ta’ appartamenti li qed jiġi propost, u li se jkun jikkonsisti f’lukanda ta’ erba’ stilel, qed jiġi wkoll ikkunsidrat mill-PA sabiex jiġi approvat.

Fl-istqarrija l-Moviment qal li x-Xlendi, post popolari mat-turisti, diġà safa assedjat minn numru ta’ lukandi u appartamenti li jagħtu għal fuq il-bajja. Jekk jiġi approvat, dan l-iżvilupp se jkompli jgħarraq is-sitwazzjoni. L-iżvilupp in kwistjoni (PA 3818/20), li se jiġi deċiż għada, huwa applikazzjoni għall-bini ta’ tliet livelli ta’ garaxxijiet, 60 appartament u 6 penthouses.


Sostna li meta wieħed iqis li fl-istess waqt il-PA qed tikkunsidra tagħti permess għal żvilupp enormi ieħor fl-istess żona u li qed jinbena blokk ieħor ta’ appartamenti u garaxxijiet fl-istess inħawi wkoll, jekk jiġi approvat żvilupp enormi ieħor fl-istess żona nkunu verament missejna l-qiegħ. Iż-żewġ żviluppi huma ċarament kbar wisq u totalment sproporzjonati mal-bqija tal-bini tal-madwar, u l-pajsaġġ tradizzjonali tat-toroq u l-veduta tax-Xlendi se jiġu rvinati għalkollox. Ix-xogħlijiet ta’ skavar u kostruzzjoni se jkollhom effett negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, u se jwasslu wkoll għal diversi problemi oħra, fosthom il-ġenerazzjoni tal-iskart, problemi ta’ traffiku, u possibbilment kontaminazzjoni tal-baħar. Dawn l-iżviluppi jmorru wkoll kontra l-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna, li jgħid kif numru ta’ żoni turistiċi f’Għawdex, inkluż ix-Xlendi, diġà ġew ‘konsidirevolment sfreġjati’ mill-iżvilupp eċċessiv. Jenfasizza wkoll il-bżonn li karatteristiċi li jattiraw lit-turisti għandhom jiġu mħarsa u mhux meqruda minn żvilupp turistiku.

Moviment Graffitti kompla jsostni li ta’ min wieħed jinnota wkoll li PA 4587/20, li tikkonsisti fil-bini ta’ lukanda ta’ erba’ stilel bi 80 kamra u faċilitajiet anċillari flimkien ma’ 5 livelli ta’ parkeġġ tagħmel referenza biss għall-ewwel fażi tal-iżvilupp, jiġifieri it-twaqqigħ u l-iskavar tas-sit. It-tieni fażi tal-iżvilupp, jiġifieri r-rikostruzzjoni u l-iżvilupp mill-ġdid tas-sit, ma tissemma’ mkien fl-applikazzjoni. Dan l-approċċ frammentat fl-applikazzjonijiet diġà deher fi proġetti ta’ żviluppi massivi oħra.

L-NGO temm jgħid li meta wieħed iqis li n-nuqqas ta’ ppjanar u l-iżvilupp eċċessiv qed jheddu li jbiddlu liż-żoni turistiċi u kostali f’Għawdex f’ġungla tal-konkrit, u b’hekk jikkundannaw lil Għawdex biex jaqbad l-istess triq tan-niżla li qabdet Malta, ma jifdal xejn ħlief li jappellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar biex titratta din l-applikazzjoni b’attenzjoni u żżomm f’moħħha li aktar żvilupp mhux sostenibbli fiż-żona jista’ jwassal għal ħsara irriversibbli u jibdel lix-Xlendi għalkollox minn kif nafuh.

❗ Moviment Graffitti urges PA to stop uglification of Gozo ❗📢 We call on the Planning Authority to reject an…

Posted by Moviment Graffitti on Tuesday, September 22, 2020