Żwieġ stramb fil-Parlament

    Mhijiex l-intenzjoni tiegħi li noqgħod nagħmel ħafna lmenti u tinwiħ dwar il-liġi li għaddiet il-ġimgħa l-oħra fil-Parlament Malti u li – skont ma qalulna – għandha toħloq ugwaljanza fiż-żwieġ f’pajjiżna. M’inix se nikkontesta l-fatt sagrosant li l-istat huwa sovran u għandu dritt joħloq il-liġijiet li jqis li huma neċessarji għall-ġid taċ-ċittadini kollha.
    Li nixtieq nikkummenta, iżda, huwa dwar id-dinamika negattiva u żbilanċjata bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni li ħarġet fil-beraħ dwar din il-kwistjoni, dinamika li iktar tixbaħ dik ta’ żwieġ patrijarkali, fejn parti waħda mill-koppja tiddomina u l-oħra tbaxxi rasha u toqgħodilha (ma jmurx issofri konsegwenzi koroh). U dan  minkejja ħafna fanfarri dwar il-fatt li fl-aħħar – allegatament – ilħaqna livell ta’ maturita’ li s’issa ma kellniex f’pajjiżna, u li għandu jwassal għal atteġġjament iktar imdawwal u kontemporanju lejn iż-żwieġ.
    Xi rrid infisser b’dan kollu? Ejjew għal mument nimmaġinaw li l-Gvern u l-Oppożizzjoni huma koppja; x’tip ta’ dinamika ninnotaw mill-mod kif ġiebu ruħhom f’dawn l-aħħar ġimgħat?
    Il-Gvern – imsaħħaħ minn rebħa oħra kbira fl-elezzjoni reċenti – donnu ħa fuqu r-rwol tal-parti dominanti fi żwieġ żbilanċjat. Jiddeċiedi – waħdu – x’għandu jsir fil-familja u jmexxi ‘l quddiem mingħajr ma jieħu parir, l-anqas mingħand il-parti l-oħra fiż-żwieġ (għax dik dgħajfa u m’għandha xejn utli jew rilevanti x’tgħid).
    Forsi tgħiduli li qed nesaġera. Imma kif tispjega l-fatt li xi ħaġa tant importanti bħall-bdil tad-definizzjoni taż-żwieġ inħelset f’ħarba ta’ ftit ġimgħat? Nassumi li għax konna mgħaġġlin biex “Nagħmlu l-Istorja”! U kif tispjega l-fatt li l-emendi kollha proposti mill-Oppożizzjoni ġew miċħuda (bl-iskuża li l-Parlament mhuwiex supermarket)?
    Immaġinaw għal mument kieku l-Gvern kellu jiddeċiedi li mis-sena 2020 ‘l quddiem se nibdew insuqu fuq in-naħa l-oħra tat-triq, biex niġu naqblu mal-maġġoranza tal-pajjiżi fl-Ewropa u fid-dinja. Taħsbu li ma kienx iniedi xhur sħaħ ta’ diskussjoni u konsultazzjoni ma’ esperti u stakeholders fl-oqsma tat-trasport u tal-infrastruttura? Taħsbu li ma kinux jiġu preżentati studji, wieħed wara l-ieħor, sabiex naraw x’impatt se jkollha bidla bħal din fuq it-toroq eżistenti u r-roundabouts, fuq il-Kodiċi għat-Traffiku, fuq il-karozzi li nsuqu (dawk preżenti u dawk futuri), fuq l-impatt ambjentali, fuq it-trasport pubbliku eċċetra eċċetra.
    Imma aħna – imbierek Alla – f’inqas minn tliet ġimgħat (tant li anki l-media indipendenti u liberali stagħġbet u tkażat) għamilna bidla f’kunċett tant fundamentali għas-soċjetà bħalma hu ż-żwieġ innifsu; bidla tant kbira li saħansitra kliem bħal ‘raġel’, ‘mara’ (fis-sens ta’ miżżewġin), ‘omm’ u ‘missier’ kellhom jiġu ri-definiti fil-liġijiet kollha fejn jidhru. Inbidlu ma’ frażijiet bħal “il-ġenitur li welled” u oħrajn li huma insult għas-sens komun (u għall-ilsien Malti). U dan fl-istess waqt li kull opinjoni kuntrarja ġiet stmata bħala xi ħaġa ridikola u bla sens.
    U l-Oppożizzjoni kif ġabet ruħha quddiem dan kollu? Friska mix-xebgħa li qalgħet fl-elezzjoni ta’ xahar ilu, l-Oppożizzjoni tat lill-Gvern kulma ried (forsi beżgħana minn xebgħat oħrajn fil-futur). Ir-raġuni uffiċċjali li ngħatat kienet li din kienet id-deċiżjoni l-korretta, u li l-Partit Nazzjonalista kien wiegħed iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess fil-programm elettorali tiegħu.
    Proprju bl-iskuża li din kienet proposta elettorali tiegħu ukoll, il-PN irrifjuta li jagħti vot ħieles lid-deputati tiegħu fuq din il-kwistjoni. Iżda ppermettuli nfakkar li fi Frar tal-2015 (dwar il-kwistjoni taċ-ċaqliq tal-Monti lejn Triq l-Ordinanza fil-Belt) il-Partit Nazzjonalista kien qal li m’għadux marbut bil-wegħdiet li kien għamel qabel l-elezzjoni tal-2013, proprju għax dik l-elezzjoni kien tilifha!
    U nkompli nistaqsi jien – bħalma staqsew bosta oħrajn – jekk l-Oppożizzjoni ħasset il-bżonn li tressaq mat-tmenin emenda għal din il-liġi (li ebda waħda minnhom ma ntlaqgħet) kif kompliet tivvota favur din il-liġi qisu xejn m’hu xejn? Jekk kien hemm qbil dwar il-prinċipju, żgur li ma jistax jingħad li kien hemm qbil dwar il-kontenut tal-liġi fiha nfisha; u sa fejn naf jien – imma jaf għandi żball – id-deputati fuq il-kontenut jivvutaw.
    Jekk id-diskussjoni fil-parlament hija daqshekk inutli, u jekk l-emendi proposti jiġu trattati b’daqshekk leġġerezza, fejn hi d-dinjita’ tal-Parlament tagħna?