Żmien li naħsbu

    Man Walking
    Credit: Monique Aguis

    F’lejlet kull elezzjoni nagħmlu l-famuż jum ta’ silenzju u riflessjoni. Jum li nistgħu ngħidu fiż-żmien tal-lum sar il-farsa ta’ kull elezzjoni. Iżda dak li qed ngħaddu minnu bħalissa u li forsi għad irridu nesperjenzaw ’il quddiem huwa verament u fil-vera sens tal-kelma żmien ta’ silenzju u żmien ta’ riflessjoni.

    Fil-psikoloġija hemm dawk li jissejħu ‘defense mechanisims’ fejn wieħed minnhom hu li l-moħħ  tal-bniedem biex iħossu aħjar ma jammettix sitwazzjoni kerha li tkun ġejja fuqu jew li jkun għaddej minnha.  Konvint li f’dawn il-ġranet kien hawn ħafna li għaddew minn din is-sitwazzjoni mentali fejn tibda tkun xettiku dwar iċ-ċirkostanzi li jistgħu jiġu fuqna minħabba dan il-Covid-19 jew kif qed isibuh il-coronavirus. Nammetti li l-ewwel wieħed minn dawn kont jien. Kont xettiku li din is-sitwazzjoni setgħet tiġi fuqna bħal sajjetta u tinkwetana waħda sew. Kont naħseb li din hi xi ħaġa li se tibqa’ fiċ-Ċina u fil-pajjiżi ’l bogħod bħalma kienu mard ieħor bħas-Sars u l-Influwenza tat-tjur.

    Iżda llum dan il-virus qiegħed magħna wkoll u rridu u ma rridux ikollna ninżlu għarkopptejna quddiemu. Għall-ewwel darba minn żmien il-pesta lil hawn għalaqna l-knejjes, ħaġa li ma toħlomhiex f’elf sena. Għall-ewwel darba għalaqna l-mawriet fid-djar tal-anzjani u ġejna kostretti nitwarrbu mill-għeżież tagħna li jgħixu fihom. Għall-ewwel darba f’Malta għalaqna l-ħwienet u postijiet pubbliċi. Għall-ewwel darba għalaqna l-iskejjel u żammejna lil uliedna d-dar. Dan meta l-virus għadu biss fil-fażi inizjali tal-attakk tiegħu f’pajiżna u meta ma aħniex f’sitwazzjoni ħażina bħal pajjiżi oħra (Allaħares naslu sa hemm).

    Ħafna qed ikollhom jinġabru għas-satra u l-kenn ta’ darhom għax dik l-aħjar soluzzjoni, dan f’aktar kalma mis-soltu speċjalment meta t-taħbit ikun anqas.  U minn hemm toħroġ l-esperjenza ta’ riflessjoni li bdejt biha dan il-blogg.

    L-ewwel riflessjoni li ċert li f’xi ħin jew ieħor kulħadd tgħaddilu minn moħħu hija kif l-umanità kollha ġiet għarkopptejha quddiem tikka ta’ virus li mank tista’ tarah. Dan id-daqsxejn ta’ virus fis-skiet u s-silenzju ġie jaqa’ u jqum minn kulħadd u atakka lill-fqar u lis-sinjuri, lill-kbar u liż-żgħar, lit-tallaba u saħansitra lill-futbolers ċelebri, kantanti, u prim ministri jew familthom fost l-oħrajn. Hemm wieħed jirrealizza kemm ma aħna xejn. Kemm il-flus mhux kollox; kemm il-poter ma hu xejn; kemm il-popolarità ma ssarraf xejn u kemm allura m’għandniex għalfejn nitkabbru u nerfgħu rasna.  L-unika ħaġa li tgħodd bħalissa huma kemm kapaċi tkun kuntent ġo dik li tissejjaħ dar u familja. Dan hu t-test ta’ kulħadd, l-istess test għal miljunarju u għall-għeri. Din hi riflessjoni li kollha rridu nagħmlu u li min jaħseb li għal xi raġuni hu aqwa minn ħaddieħor għax Alla provdielu lira, jew għax għandu pożizzjoni tajba fis-soċjetà fil-verità mhu xejn aħjar minn ħaddieħor.

    Riflessjoni oħra għaqlija li ssir hija kemm hu importanti li naprezzaw dak li għandna. Kif jgħidu l-ħaġa xħin titlifha tkun taf xi ssarraf. Ħafna affarijiet aħna li drajna fil-kumdità noħduhom kif jgħidu bl-ingliż ‘for granted’. Xejn ma naraw speċjali f’li mmorru nieħdu kafè ġo ħanut; jew ikla tajba f’restorant, xejn ma naraw speċjali li nibbukkjaw ajruplan (illum ukoll bl-irħis) u f’siegħa nkunu f’pajjiż ’il bogħod niddevertu u nixxalaw; xejn ma narawha speċjali li noħorġu wara l-bieb naqbdu l-karozza u mmorru fejn irridu; xejn ma narawha speċjali li nhar ta’ Ħadd immorru nisimgħu quddiesa bil-kwiet. Illum wasalna f’sitwazzjoni fejn minħabba dan l-imbierek virus, dawn l-attivitajiet ma nistgħux nagħmluhom u għalhekk għandna napprezzawhom aktar u nkunu grati li f’ċirkostanzi normali għandna dan il-ġid kollu li mhux dejjem napprezzaw.

    Riflessjoni li wkoll tagħmel sens hu l-aprezzament ta’ dawk ta’ madwarna. Ħafna drabi dawk ta’ madwarna huma l-anqas li naprezzaw. Jekk inkun fit-triq u bi żball nibqa’ dieħel ġo bniedem barrani li qatt ma nkun rajtu, nibda niskuża ruħi talli nkun missejt miegħu, iżda ħafna drabi jekk inkun id-dar u naħbat ma’ ibni, flok niskuża ruħi nibda ngerger miegħu li qagħdli fin-nofs u li għal ftit ma weġġanix. Lil ta’ madwarna ħafna drabi ma napprezzawhomx. Dan iż-żmien ta’ rtirar fid-dar aktar mis-soltu, fil-kumpanija biss tal-membri tal-familja tagħna, għandu jkun strumentali sabiex napprezzaw aktar lill-membri tal-familja tagħna u l-imħabba li tgħaqqadna fil-kumpanija li nżommu lil xulxin. Wieħed faċilment jista’ jimmaġina kemm tkun monotona l-ħajja f’ċirkostanzi bħal dawn mingħajr il-kumpanija, l-imħabba u s-sapport tal-membri tal-familja tagħna. U hawn inħoss li għandi nagħmel appell lil dawk li għandhom qraba li jgħixu waħedhom sabiex ma jinsewx lil dawn il-qraba u anke jekk b’sens ta’ sagrifiċċju jżommu kumpanija lil dawn permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

    Finalment nagħlaq dan il-blogg tal-lum billi nappella għar-rispett, wieħed lejn l-ieħor, ninsew l-egoiżmu li kultant jikkaratterizzana u nisimgħu mill-ordnjiet li jagħtuna l-mexxejja ta’ pajjiżna.   Fuq kollox jalla dan iż-żmien nużawh b’mod għaqli u ma jinħeliex.