Żmien it-tfulija

    Sandy Millar, Unsplash

    Il-jiem sħan tas-sajf u l-jiem fejn il-baħar waslu fi tmiemhom hekk kif din il-ġimgħa bdejna l-ħarifa. Waslet issa biex tibda l-iskola għat-tfal u l-bqija tal-istudenti. Ispirat mill-bidu tal-iskola, illum ħassejt li għandi mmur lura fi żmien it-tfulija biex inħalli lill-qarrej iqabbel u jipparaguna t-tfulija f’dak iż-żmien u llum.

    Tfulitna ma kinitx bla diffikultajiet. Kellna nuqqas ta’ ħafna riżorsi. Il-kompjuter ma kienx jeżisti u l-aktar biċċa makkinarju sofistikat li kellna kienet calculator. Fejn nagħmlu r-riċerka ma kellniex. Illum tikteb is-suġġett li trid, tagħfas buttuna u titla’ muntanja ta’ informazzjoni. Dakinhar konna nirrikorru għal xi enċiklopedija li kien ikollna fid-dar jew f’xi librerija pubblika. Kellna ċertu limiti, saħansitra anke fl-ikel li nieklu ma kienx hemm ix-xelta li hawn illum.

    Però ovvjament dejjem irranġajna kif stajna u għexna ferħanin. Toqgħod tgħid u tikkunsidra, ta’ qabilna kienu agħar minna għax dawk kienu neqsin saħansitra minn affarijiet bażiċi bħalma hu l-elettriku u l-kumditajiet li jġib miegħu. Iżda meta titkellem mal-anzjani tagħna wkoll jgħidulek li kellhom tfulija ferħana u sabiħa.

    Illum tħares lura u tistgħaġeb kif gerrbu s-snin. Tiftakar fit-tfulija u tixxennaq.
    Tgħid kemm konna aħjar meta konna agħar. Dakinhar konna nilagħbu fit-triq. Daqqa noli, daqqa passju, daqqa tlielaq u kull logħba li nivvintaw. Konna noħorġu l-ġugarelli li kien ikollna fuq il-bankina u nilagħbu hemm. Aħna s-subien b’xi gaffa tal-ġugarelli li ma kinitx tkun ‘Made in China’ u tinkiser wara minuta, konna nilagħbu fil-ħamrija u nagħmlu t-tajn. Ovvjament l-aktar logħba popolari kienet il-logħba tal-ballun li konna nilagħbuh jew fit-triq stess jew f’xi għalqa żdingata wara li aħna stess inkunu qtajna jew wittejna l-ħaxix. Il-ballun mhux l-ewwel darba kien xi wieħed żgħir tat-tennis (konna nsejħulu tal-kamoxxa), jew xi ballun magħmul minn karti mgħaffġa bit-tape jew agħar minn hekk xi bott mgħaffeġ.

    Wara ftit toħroġ ommok b’xi kisra ħobż biż-żejt u tadam u ftit melħ fuqha.
    Jew biċċa ħobż b’xi fwied tal-fenek moqli fuqha. U aħna nieklu malajr ħalli ma nitilfu l-ebda minuta logħob. Il-qali dakinhar kien ikla ferm popolari u komuni.

    Il-kampanja dakinhar kienet tagħha. Ta’ spiss niġru fil-kampanja, nixorbu mnejn insibu, naqtgħu xi frotta li tkun għadha ħadra u ngħidu li hi tajba xorta wahda. Naqbdu l-marżebb (tadpoles) b’xi landa mill-wied jew xi għadira. F’Ottubru nonsbu għall-pitirross minkejja li kien kontra l-liġi.

    Irkopptejna u minkbejna ta’ spiss misluħin u b’xi dawra jodju safrani fuqhom. Ħwejjiġna u l-uniformi tal-iskola dejjem bil-patches tal-ġilda fuq l-irkopptejn u minkbejn. B’xi papoċċ b’riħa ta’ lastiku ma tmur qatt bit-tappijiet forma ta’ banana u konna nkunu qisna bl-aqwa papoċċ tad-ditta.

    Fl-iskola, minkejja li konna nittantaw, kellna rispett u biża’ lejn l-għalliem li allaħares jugżak xi waħda lil missierek għax il-kastig kien xi daqqtejn f’saqajk. Immorru l-mużew jew id-duttrina, wara għad-dar u fit-tmienja fis-sodda.

    Tirrakkonta dawn l-affarijiet lit-tfal tal-lum, għal bidu jibdew jisimgħuk b’interess u wara ftit jibdew iċarrtu xi tbissima. Iżda frankament ma nafx kemm it-tfulija tal-lum hi aħjar. Illum ħlief tfal li minn sa età żgħira ħafna b’rashom mgħaddsa f’xi tablet jew mowbajl ma tarax. Il-logħob fl-apert u fil-ħamrija spiċċa. Tkellimhom u l-anqas ikellmuk lura għax jintilfu f’dak li jkollhom quddiemhom. Fejn qabel il-ġenituri kienu jieħdu battikata biex minn barra idaħħluna l-ġewwa llum battikata biex toħroġhom barra. Xorta nemmen ix-xewqa għal ġiri u għal logħob aktar b’saħħtu għadha hemm. Dan tinnutah minn okkażjonijiet bħalma huma pereżempju barbikjus fejn hemmhekk tara wħud mit-tfal jiġru u jilagħbu qishom mitlufin – qishom għasafar bil-gaġġa miftuħa.

    Ma nemminx li qed inkunu qed nagħtu l-aħjar lil uliedna meta nagħtuhom biss id-dinja virtwali, it-tablets, it-televiżjoni u mowbajl. It-tfal ma jsirux irġiel u nisa minn dawk il-ħwejjeġ biss. Iridu jkunu esposti għal sitwazzjonijiet oħrajn li jġiegħluhom jaħsbu b’mod prattiku u apert.