Żewġ kisbiet importanti f’ġimgħa

    Josianne Cutajar

    Fl-aħħar sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew għal din is-sena,  ittieħed b’suċċess il-vot fil-Plenarja dwar ir-Rapport li ilni naħdem fuqu sa minn kmieni din is-sena — dak dwar l-Istrateġija għan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs). Fl-istess sessjoni Plenarja ġie vvutat b’suċċess ukoll il-Baġit Ewropew (MFF) għas-seba’ snin li ġejjin.

    L-Istrateġija għan-Negozji Żgħar u Medji, li fuqha ħdimt bis-sħiħ sabiex ressaqt ir-Rapport dwarha bħala n-negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi, hi strateġija mill-aktar kruċjali għall-eluf ta’ negozji madwar l-Ewropa kollha, inkluż mijiet ta’ intrapriżi f’Malta u f’Għawdex li l-istrateġija l-ġdida se tkun ta’ sostenn kbir għalihom u l-familji tagħhom.

    Hawnhekk, kelli rwol ewlieni sabiex jidħlu diversi emendi bżonnjużi u kruċjali għall-irkupru tas-settur tal-intrapriżi żgħar u medji fix-xhur li ġejjin.

    Il-ħidma issa se tkompli b’aktar qawwa biex flimkien niżguraw li l-intrapriżi żgħar u medji tagħna, f’Malta u  fl-Ewropa, jerġgħu jqumu fuq saqajhom u jibdew jikkompetu fis-suq bħal qabel.

    Il-vot favur ir-Rapport dwar l-Istrateġija għall-SMEs, iżda, ma kienx l-uniku suċċess li ksibna fl-aħħar jiem. Bħala Chairperson tal-Grupp ta’ Ħidma importanti fil-Parlament Ewropew dwar it-Turiżmu, l-Ivjaġġar u l-Mobilità tal-SME Connect se nkun qed naħdem fl-interessi ta’ negozji żgħar u medji.

    Dawn in-negozji jistgħu jkunu huma l-mutur li jistimula t-turiżmu u  l-ekonomiji tagħna, u għalhekk irridu niżguraw li nagħtuhom l-għodod neċessarji biex jirpiljaw mill-aktar fis possibbli.

    Il-ħidma tiegħi qed tkompli wkoll mil-lat tal-oqsma tat-turiżmu u l-ivvjaġġar għall-gżejjer Maltin u Għawdxin, permezz ta’ xogħol fi ħdan it-Taskforce għat-Turiżmu fil-Parlament Ewropew.

    Minbarra dawn il-ħidmiet, qiegħda bħalissa nixpruna messaġġ Go4Local sabiex inħeġġeġ li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi l-konsumaturi jixtru l-prodott lokali, mingħand intrapriżi u negozji lokali. L-appell tiegħi hu li żmien il-Milied hu opportunità sabiex, bix-xiri tagħna mingħandhom waqt l-istaġun tal-festi, lin-negozji lokali tagħna ngħinuhom jirkupraw u b’hekk jikkontribwixxu mill-ġdid fl-ekonomiji tagħna.