Żewġ Ġganti tal-Qdusija

    L-avvenimenti straordinarji li ġraw f’dawn l-aħħar jiem fil-preparazzjoni għall-kanonizzazzjoni ta’ San Ġwann XXIII u San Ġwanni Pawlu II, żewġ ġganti tal-qdusija li kibru fl-ispiritwalità tal-umiltà. It-tnejn kellhom kariżmi differenti.
    Ġwanni XXIII beda mill-ambjent rurali ta’ Bergamo fl-Italja, bata sakemm sar saċerdot u baqa ispirat mill-għerf tal-bdiewa, anke fil-mod dħuli u sempliċi li bih kien jitratta lin-nies kollha, kemm dawk l-iżjed umli, kif ukoll nies kbar u importanti tad-dinja.
    Hemm ħafna anedotti ħelwin dwar il-Papa Ġwanni XXIII imma dak kollu li jingħad fuqu jinġabar fil-kelma ‘tjubija’. Mhux ta’ b’xejn kien magħruf bħala l-‘Papa buono’. It-tjubija li ġejja minn qalb li baqgħet safja, dejjem qrib Alla u dejjem tbaqbaq b’imħabba kbira lejn kull bniedem, hu min hu. B’dan l-ispirtu li jilqa’ lil kull bniedem għax fih jara xbieha t’Alla, Ġwanni XXIII attira hafna nies li kienu imbiegħdin mill-Knisja u minn Kristu. Ix-xogħol tiegħu kien xogħol ta’ sajjied u fl-istess hin ragħaj.
    Il-Papa Ġwanni Pawlu II jolqotni għall-ispirtu atletiku tiegħu. Kien bniedem li jħobb l-isport, iżda iktar minn hekk ifakkarni fl-espressjonijiet ta’ San Pawl li jitkellmu dwar l-atleta li jitqabad, li jipprova jirbaħ il-premju, li jagħmel it-taħriġ neċessarju b’dixxiplina. Dan mhux biss għaliex fil-bidu tal-pontifikat tiegħu wera stamina straordinarja, anke għall-fatt li sar Papa ta’ eta żgħira, ta’ 58 sena, imma għaliex fi xjuħitu wkoll, meta marad bil-marda kiefra tal-Parkinsons, baqa’ atleta kbir tal-ispirtu. L-ispirtu tiegħu, għalkemm kien imjassar mill-kundizzjoni kiefra tal-marda li kienet tipparalizzah, baqa’ spirtu qawwi ħafna. Il-ħarsa tiegħu, il-ġesti tiegħu, avolja sofferenti, baqgħu juru spirtu qawwi ta’ profeta u atleta tal-Mulej. Minn meta kont seminarista, Ġwanni Pawlu II dejjem affaxinani bl-ispiritwalità Marjana tiegħu li qatt ma kienet devozzjonalista imma kellha ċ-ċentru tagħha f’Ġesù Kristu. Dan, il-Papa ħadu mill-iskola ta’ San Luiġi Marija Grignon de Montfort li l-festa tiegħu ġiet ċċelebrata fit-28 ta’ April, propju l-għada tal-kanonizzazzjoni ta’ dan is-segwaċi fidil ta’ din l-ispiritwalità li bħala motto għandha l-kelmiet ‘Totus Tuus’.
    Fil-motto ta’ dawn iż-żewġ qaddissin ġodda hemm miġbura l-ispiritwalità tagħhom. Ġwanni XXIII bħala motto tal-episkopat u tal-Papat tiegħu għażel il-kliem, ‘Oboedientia et pax’, jiġifieri l-ubbidjenza u l-paċi, għax il-paċi tal-qalb tiġi mill-ubbidjenza tagħna lejn il-Mulej. Ġwanni Pawlu II, hu u jaħseb fid-devozzjoni lejn il-Madonna li twasslu biex jimita lil Ġesù mill-qrib, għażel il-motto tal-konsagrazzjoni lil Marija, ‘Totus Tuus’, li tfisser ‘kollni tieghek’. Imma kull nifs ta’ ħajtu kien wkoll għotja lill-ohrajn. Dan il-kliem li tant drajna naraw fuq l-istemma tiegħu kien ikellimna u bħal donnu jgħidilna, ‘Jiena Papa għalik, anżi kollni għalik’.
    Dawn iż-żewġ Papiet qaddissin joffrulna xbieha sabiħa tar-ragħaj it-tajjeb, imma għandhom ukoll messaġġ attwali għal kull nisrani. Il-fatt li l-paċi tiġi mir-rieda ta’ Alla li jiena nagħmel f’ħajti u li fl-istess ħin, ħajti tkun mimlija ferħ jekk ningħata lill-oħrajn b’qalb ġeneruża.
     
    ✠ Charles J. Scicluna
          Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta