Żball kbir jekk wara l-COVID-19 se nagħtu poter kbir lill-iżviluppaturi

    Dar-Imġarrfa

    Jien wieħed minn dawk li nfaħħar regolarment lill-Prim Ministru, Dr Robert Abela għaliex nemmen li verament qed imexxi lill-pajjiż b’mod għaqli u tajjeb. Però, hemm qasam wieħed fejn inħossni diżappuntat ħafna b’dak li wettaq s’issa Dr Abela u dan hu l-qasam tal-kostruzzjoni.

    Irridu niftakru li ċerti żviluppaturi qed jeqirdu l-ambjent ta’ madwarna. Irridu niftakru wkoll kemm huma arroganti ċerti żviluppaturi u kif dawn jiġu jaqgħu u jqumu mil-liġijiet u r-regolamenti u jirvinaw il-ħajja ta’ ċittadini oħrajn bl-irresponsabbiltà tagħhom. Dan l-aħħar kellna saħansitra każi fejn waqa’ bini ħdejn siti ta’ kostruzzjoni u anke l-mewt ta’ persuna li kienet għall-affari tagħha f’darha.

    Jinkwetani wkoll il-fatt li l-Prim Ministru qal li l-industrija tal-kostruzzjoni se tilgħab parti kruċjali fl-irkuprar tal-ekonomija ta’ Malta wara li neħilsu mill-COVID-19. Dan għaliex ħafna minna ilna li ġbajna bir-rabtiet mill-qrib iżżejjed li għandu l-Partit Laburista mal-iżviluppaturi. Kien żball li l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) ngħata konsulenza mal-gvern. Kien żball li dan tħalla jsir “ta’ ġewwa” fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Kien żball li ġieli ġie mistieden jindirizza d-delegati tal-Partit.

    Kif tista’ l-industrija tal-kostruzzjoni tiġi regolata u kkontrollata kif suppost isir f’pajjiż demokratiku jekk din issir ħaġa waħda mal-gvern? – Jekk din tingħata poter kbir li jdgħajjef id-demokrazija fil-pajjiż? – Fis-sena li qed niċċelebraw il-mitt sena mill-fondazzjoni tal-Partit Laburista, hija dagħwa politika li nagħtu wisq poter lil grupp żgħir ta’ nies potenti li l-ewwel interess tagħhom huwa buthom u żgur mhux il-ġid taċ-ċittadini l-oħra.

    Ma nħallux il-kriżi tal-COVID-19 tnessina l-ħsara kbira li saret lil pajjiżna minn min jiġi jaqa’ u jqum minn kollox u minn kulħadd, basta jdaħħal l-eluf u anke miljuni ta’ Euro f’butu. L-industrija tal-kostruzzjoni għandha tiġi mgħejjuna mill-gvern imma mhux itrattata aħjar minn ħaddieħor, mhux aġevolata għad-detriment ta’ ħaddieħor. L-ewwel dmir tal-gvern huwa lejn il-ġid komuni u mhux lejn l-interessi ta’ grupp żgħir ta’ nies.

    Kemm se ndumu naraw laqgħat bejn rappreżentanti tal-gvern u l-MDA fejn l-iżviluppaturi jiġu inċensati? – Kemm se ndumu naraw lill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi jgħid lill-gvern x’qed jistennew minnu, bħallikieku jirrapreżenta xi entità li għandha dritt tiddetta lill-gvern? – Wasal iż-żmien li naraw bidla fir-relazzjonijiet bejn il-gvern u l-iżviluppaturi. Ir-relazzjonijiet iridu jibqgħu tajbin u pożittivi imma trid tinżamm id-distanza bejn il-gvern u l-iżviluppaturi. – Mhux qishom il-gvern u l-iżviluppaturi ħaġa waħda!

    Prim Ministru, meta se naraw din il-bidla?