X’qed isir biex it-tnaqqis tas-servizzi bankarji ma jkunx permanenti?

    Il-Kummissjoni Ewropea wieġbet għall-mistoqsija parlamentari tiegħi li fiha tlabt spjegazzjoni dwar dak li qed isir biex ikun assigurat li l-pandemija Covid-19 ma tintużax mill-banek biex tnaqqas is-servizzi għall-konsumaturi b’mod permanenti, b’detriment għal konsumaturi bi dħul baxx u b’mod partikolari l-pensjonanti.

    Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Valdis Dombrovskis wieġbet li l-Kummissjoni osservat it-tnaqqis regolari fin-numru ta’ fergħat tal-banek u ta’ ‘automated teller machines’ u li se tissorvelja mill-qrib l-evoluzzjoni tas-servizzi bankarji għall-konsumatur fl-Unjoni Ewropea.

    Is-Sur Dombrovskis irrikonoxxa li t-tnaqqis tas-servizzi bankarji jista’ tabilħaqq ikollu impatt fuq l-aċċess għas-servizzi bankarji bażiċi miċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari dawk inqas familjari mal-aspett diġitali.

    Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni qalet li ma għandha l-ebda element li jippermettilha li taqsam it-tħassib li l-pandemija tal-COVID-19 tista’ tintuża bħala skuża biex ikompli jitnaqqas l-aċċess għas-servizzi bankarji għall-konsumatur fl-UE. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tantiċipa xi trasformazzjonijiet bħall-aċċellerazzjoni ta’ pagamenti diġitali għad-detriment ta’ flus kontanti. Il-Kummissjoni se ssegwi l-impatt li dan jista’ jkollu, fuq l-inklużjoni finanzjarja.

    Staqsejt ukoll lill-Kummissjoni jekk hux qed tikkunsidra li tibda xi sistema ta’ kundizzjonalità għall-għajnuna mill-istat lil banek, u li biha tobbligahom li jżommu l-livell tagħhom ta’ servizzi bankarji lill-konsumatur. Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li mhix qed tikkunsidra li tibda tali kundizzjonalità għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-banek.