X’qal il-Papa dwar l-Abort?

    “… sabiex l-ebda ostaklu ma jiġi fin-nofs bejn it-talba għar-rikonċiljazzjoni u l-maħfra ta’ Alla, nikkonċedi minn issa lis-saċerdoti kollha, bis-saħħa tal-ministeru tagħhom, il-fakultà li jassolvu lil dawk li dinbu billi għamlu abort. Dak li kont ikkonċedejt b’mod limitat għall-perjodu tal-ġublew issa qiegħed jiġi estiż fiż-żmien, minkejja kwalunkwe ħaġa oħra kuntrarja. Nixtieq nerġa nsostni bis-saħħa tiegħi kollha li l-abort huwa dnub gravi, għaliex itemm ħajja innoċenti. Bl-istess qawwa, madankollu, nista’ u għandi nafferma li ma jeżisti l-ebda dnub li ma jistax jintlaħaq u jiġi meqrud mill-ħniena ta’ Alla meta din issib qalb niedma li titlob rikonċiljazzjoni mal-Missier. Kull saċerdot, għalhekk, għandu jkun gwida, sostenn u faraġ fl-akkumpanjament tal-penitenti f’din il-mixja ta’ rikonċiljazzjoni speċjali. (Misericordia et Misera, 12)
    Peress li l-Papa Franġisku jiġbed ċerta simpatija anki mis-setturi tas-soċjetà u l-mass media li tradizzjonalment ma kinux daqstant miftuħin għall-Knisja Kattolika, matul dawn l-aħħar tliet snin u nofs drajna naraw kliemu jiġi eżaminat, interpretat u kultant anki manipulat. Normalment dan jiġri meta l-Papa juri kwalunkwe tip ta’ ftuħ dwar suġġetti morali; tiftakruha l-famuża “Min jien jien biex niġġudika?” dwar il-persuni omosesswali? Malajr frażi bħal din issir soundbyte mingħajr ebda riferiment għall-kuntest li fiha tkun intużat u għal tagħlim ieħor li l-Papa Franġisku stess ikun ta dwar l-istess suġġett (biex ma nsemmix it-tagħlim konsistenti tal-Knisja matul is-snin).
    Hekk hemm periklu li jiġri dwar il-paragrafu 12 tal-Ittra Appostolika Misericordia et Misera (Il-Ħniena u l-Miżera), li Franġisku ħareġ fi tmiem il-Ġublew tal-Ħniena. F’dan il-paragrafu (miġjub kelma b’kelma fil-bidu ta’ dan l-artiklu) il-Papa wessa’ l-fakultajiet tas-saċerdoti meta fil-qrar jiltaqgħu ma’ penitenti ħatja tad-dnub tal-abort. Sabiex nevitaw ekwivoċi tajjeb niċċaraw ftit punti essenzjali.
    X’kienet is-sitwazzjoni sa llum? Minħabba l-gravità tiegħu, l-abort huwa wieħed mid-“dnubiet riservati”. Dan ifisser li apparti l-ħtija spiritwali li tinħafer fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni (bħal kull dnub ieħor), l-abort iġorr ukoll il-piena ta’ skomunika awtomatika għal min iwettqu. S’issa, sabiex saċerdot jagħti l-assoluzzjoni għal abort, l-ewwel kien ikollu jirrikorri għand l-isqof tiegħu (ovvjament mingħajr ma jagħti dettalji dwar il-penitent) biex jitħalla jagħti din l-assoluzzjoni. Forsi tidher burokrazija żejda, imma l-Knisja kienet tqis din il-miżura neċessarja minħabba s-serjetà tad-dnub.
    Ta’ min jinnota li anki qabel is-Sena tal-Ħniena, kien possibbli għas-saċerdoti li jingħataw il-fakultà li jassolvu d-dnub u l-piena tal-abort taħt ċerti kundizzjonijiet. Per eżempju aħna s-saċerdoti Maltin regolarment konna ningħataw din il-fakultà fi żmien ir-Randan.
    Mela x’inhi s-sitwazzjoni minn issa ‘l quddiem? Matul is-Sena tal-Ħniena, il-Papa Franġisku estenda l-fakultà lil kull saċerdot sabiex fil-qrar ikun jista’ jassolvi lill-penitenti ħatja ta’ abort mingħajr bżonn ta’ rikors lill-awtoritajiet kompetenti. Issa dan il-permess ġie estiż b’mod permanenti, bil-Papa emfasizza li dan qed jagħmlu biex kulħadd jifhem li l-ħniena t’Alla hija ikbar minn kull dnub, kbir kemm huwa kbir.
    Dan ifisser li l-abort naqas mill-gravità bħala dnub? Assolutament le. Il-Papa stess saħaq dan: “Nixtieq nerġa nsostni bis-saħħa tiegħi kollha li l-abort huwa dnub gravi, għaliex itemm ħajja innoċenti.” Li nbidel huwa li issa għandna għodda iktar prattika f’idejna sabiex dawk li wettqu dan id-dnub gravi – u tassew nidmu minnu – ikunu jistgħu jirċievu l-maħfra b’mod iktar dirett u immedjat.
    Ippermettuli nġib analoġija: il-fatt li l-gvern fetaħ sptar apposta tal-onkoloġija ma jfissirx li issa l-marda tal-kanċer saret inqas perikoluża. Ifisser pjuttost li għandna għodda aħjar biex nikkombattu din il-marda qerrieda.
    Jista’ jkun hemm min jinterpreta ħażin din il-miżura? Sfortunatament, iva! Hemm min qal li bil-mod il-mod il-Knisja se tibdel il-pożizzjoni tagħha dwar l-abort. Din hija interpretazzjoni għalkollox żbaljata u qarrieqa. Il-Papa Franġisku konsistentement żamm l-istess linja bħall-papiet kollha ta’ qablu fuq dan is-suġġett; anzi, jiddeskrivi l-abort bħala waħda mill-espressjonijiet koroh tal-kultura li tuża u tarmi dak li tqisu żejjed jew skomdu.
    X’inhu l-pass li jmiss? Il-Papa poġġa piż fuq is-saċerdoti sabiex ikunu gwida, sostenn u faraġ għal dawk li jqerru dan id-dnub ikrah. Għandhom idewwu l-ġerħa spiritwali u emozzjonali li jikkawża l-abort filwaqt li qatt ma jaqgħu fit-tentazzjoni li jitrattawh qisu xejn m’hu xejn. Infatti l-Papa jitkellem dwar “rikonċiljazzjoni speċjali”. Hawnekk m’aħniex qed nitkellmu dwar dawk l-hekk imsejħa ‘nuqqasijiet’ li nqerruhom u neħilsu b’penitenza ta’ ‘tliet avemarijiet’ jew ‘missierna, sliema u glorja’. Il-fejqan ta’ veru jibda’ meta l-penitent jifhem il-kruha tad-dnub imma wkoll il-ħniena t’Alla li teqred u tfejjaq dan id-dnub.
    U f’Malta? Jeħtieġ nibqgħu għassa, għax il-kurrenti favur l-abort dejjem jiżdiedu. Ma nistax ma nfakkarx fil-March for Life organizzata mil-Life Network Foundation, is-Sibt 3 ta’ Diċembru fil-5.30pm quddiem il-berġa ta’ Kastilja, fil-belt Valletta. Dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-ħarsien tal-ħajja innoċenti fil-ġuf huma mistiedna jipparteċipaw bi ħġarhom. Iktar informazzjoni fuq: http://lifenetwork.eu/https://www.facebook.com/lifenetworkeu