X’Milied ġej?

    Milied, Christmas

    Min jinsab ħerqan għal dawn il-jiem u min jixtieq li jfittxu jgħaddu. Mhux għax il-ġrajja tal-Milied mhix waħda sabiħa, imma għax hawn min li dawn il-jiem inisslu fih emozzjonijiet mhux daqstant sbieħ. Daqskemm iferrħu l-qalb, daqstant ieħor l-għanjiet tal Milied jistgħu jnisslu diqa u tbatija f’min għaddej mit-tiġrib.

    Hemm tiġrib li narawh u hemm tiġrib li jinsatar taħt it-tbissima li tintlibes għal raġuni waħda – għax l-imġarrab ma jkollux moħħ jew aptit iwieġeb mistoqsijiet bħal: “xi ġralek?” Allura dak li jkun, jagħżel li jross f’qalbu tiġribu, jiftaħ qalbu biss mal-eqreb persuni f’ħajtu u mill-bqija jibqa’ jidħaq u jbati fis-satra quddiem ħaddieħor.

    Maġenb il-bozoz ipetptu, jista’ jkun hemm qalb li qiegħda ttaqtaq, inċerta għall-aħħar fuq il-futur tagħha jew għax qed tara tmiem ħajjitha fil-qrib… ejjew inkunu persuni ta’ kuraġġ għal dawn in-nies.

    Qalb it-tizjin ilellex kollu kuluri, jista’ jkun hemm ħajja mdallma li hija mxennqa għal ftit dawl f’ħajjitha…ejjew inkunu dawl sabiħ għal dawn il-persuni.

    Biswit ir-rigali taħt is-sigra tal-Milied, jista’ jkun hemm persuna għatxana għar-rigal tal-paċi u l-kuntentizza…. ejjew inkunu aħna li bil-preżenza tagħna nnisslu tbissima fuq l-uċuħ.

    Mas-smigħ tan-Ninni La Tibkix Iżjed, jista’ jkun hemm persuna li għejjiet tibki weħidha u tixtieq li hi wkoll ma tibkix iżjed… ejjew inkunu aħna li nixxuttaw dan id-dmugħ.

    Mat-togħmiet ħelwin tal-ħlewwiet tal-Milied, hemm min jixtieq li jinsa l-morr li tiegħem jew li sqewh matul din is-sena… ejjew inkunu aħna li nagħtu togħma ħelwa lill-ħajja ta’ dawn in-nies.

    Kull Milied qatt mhu bħall-Milied ta’ qablu u ma jkunx bħall-Milied li jkun imiss. Kull Milied jistedinni biex jien ukoll nieħu sehem fit-twelid ta’ tama ġdida għal min jinsab imġarrab. Kull Milied jistedinni biex jiena niżra’ l-paċi. Kull Milied jistedinni biex jiena noħloq tama ġdida. Kull Milied jistedinni biex jiena wkoll nitwieled fi bniedem aħjar, imħejji sew biex nibda s-sena l-ġdida b’ferħ, tama, entużjażmu u fiduċja f’Alla li iva, is-sena li ġejja se tkun aħjar.