Xi jfisser il-vot tal-kunsillieri tal-PN?

    Il-vot hu dritt sagrosant ta’ kull min jista’ jeżerċitah u jesprimi l-opinjoni tiegħu, iżda hu wkoll dmir ta’ kull votant li jifhem, iħoss u jerfa’ r-responsabiltà li dan id-dritt iġib miegħu.

    Il-Partit Nazzjonalista wasal għal punt fejn jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet u deċiżjonijiet drastiċi u għalhekk il-kunsillieri kollha għandhom iħossuhom fid-dmir li jmorru jivvutaw, anke għaliex minn dan, ma jiddependix biss il-futur tal-partit, iżda wkoll dak tal-pajjiż kollu. Dawn huma l-10 raġunijiet li, fil-fehma tiegħi, għandhom iżommu quddiem għajnejhom il-kunsilliera. Huma se jivvutaw biex:

    • il-PN ikun ħieles minn kull xkiel u jkun jista’ jirreaġixxi, kif inhu dmiru, kontra kull azzjoni korrotta u kull skandlu. Mhux biss billi jikkundannahom, iżda għandu jkun f’pożizzjoni li jsejjaħ in-nies ta’ rieda tajba biex jipprotestaw fil-pubbliku bil-qawwa kollha, biex juru l-għadab tagħhom;
    • it-tmexxija tal-partit ma jkollha l-ebda forma ta’ rbit u ta’ ndħil minn min hu involut f’azzjonijiet illeċiti u kriminali;
    • il-partitarji ma jħossuhomx aktar imkeċċija u mwarrba mill-istess partit tagħhom, u d-Dar Ċentrali terġa’ ssir id-dar naturali tagħhom;
    • tispiċċa l-anomalija tant stramba li l-kap tal-partit isib l-appoġġ sħiħ u indiskuss ta’ dawk li jagħmlu parti mill-PL, jew simpatizzanti tiegħu, minflok mill-partitarji tiegħu stess;
    • il-PN jerġa’ jibda jirrispetta l-ġurnalisti indipendenti, l-opinjoni ta’ dawk li ma jaqblux bilfors ma’ kull ma jingħad mit-tmexxija, tispiċċa ċ-ċensura żejda mhux f’lokha u l-mibegħda li nżergħet u li qed tfarrak l-istess partit;
    • tispiċċa darba għal dejjem l-idea tal-fazzjonijiet li b’ħażen kbir ħoloq u firex il-PL u li sfortunatament ħafna nies waqgħu għaliha;
    • jispiċċaw ir-riżenji li l-partit għadda minnhom dawn l–aħħar snin: mill-ogħla karigi sa dawk tal-partitarji, billi jitwaqqgħu l-ħitan li nbnew fiżikament u metaforikament u kulħadd ikun jista’ jħossu rrispettat u jkun jista’ jagħti sehmu fi klima ta’ serjetà u serenità;
    • jerġa’ jkun hawn partit fl-oppożizzjoni li jkun tassew lest li jiġġieled kontra gvern li tħalla jagħmel li jrid u li wassal biex ikollna pajjiż mgħarraq fil-korruzzjoni, fi skandli li qatt ma rajna bħalhom u fi kriminalità mifruxa ma’ kullimkien u fuq kull livell;
    • terġa’ tkun hemm l-għaqda li tmexxi ‘l quddiem lill-partit u li jirnexxilha tegħleb il-propaganda qarrieqa tal-PL li għandu kull interess li jfarrak lill-PN;
    • il-PN, li għandu mal-140 sena ta’ storja li tagħmel lill-partitarji kburin biha, jerġa’ jsib it-triq li twasslu biex ikun partit b’saħħtu u rebbieħ fuq kull xorta ta’ ħażen, ta’ inġustizzja u ta’ nuqqas ta’ demokrazija u jkompli jikteb paġni li jagħmlu unur lill-partit u lill-pajjiż.