X’hemm ġdid fis-survey tal-Malta Today

    Il-gazzetta Malta Today il-Ħadd 19 ta’ Lulju ippubblikat stħarriġ ieħor tal-opinjoni pubblika dwar is-sitwazzjoni politika. Fost l-affarijiet interressanti li ħarġu hemm li l-maġġoranza tal-Laburisti jippreferu li jibqa’ Delia bħala kap tal-PN waqt li l-partitarji Nazzjonalisti huma maqsumin dwar dan. Mir-riżultati jista’ jkun li sa 26% ta’ dawk li wieġbu jkunu lesti għal PM mill-Partit Nazzjonalista iżda mhux ikun min ikun.

    Iżda forsi l-aktar ħaga ġdida u interessanti li kien fih dan is-survey kienu, ovvjament, il-mistoqsijiet dwar Therese Comodini Cachia, li xi ġranet qabel kienet nominata biex tieħu l-post  ta’ kap tal-Oppożizzjoni flok Adrian Delia, li kien ilu Kap tal-PN għal tliet snin. Iċ-ċifri prinċipali huma f’dawn iż-żewġ tabelli, fejn min irrisponda għas-survey intalab igħid lil min jafda l-aktar bejn kull wieħed minnhom u l-Primi Ministru Robert Abela.

    Lil min l-aktar tadfa bejn Robert Abela u Adrian Delia?

    Robert Abela57.7% tal-kampjun
    Adrian Delia13.2%
    L-ebda26.2%
    Ma nafx2.9%

     

    Lil min l-aktar tadfa bejn Robert Abela u Therese Comodini Cachia?

    Robert Abela58.4% tal-kampjun
    Therese Comodini Cachia13.1%
    L-ebda25.0%
    Ma nafx3.5%

     

    Il-perċentwali li ġabu Delia u Comodini Cachia huma kważi identiċi.

    L-ewwel mistoqsija li tiġi f’moħħok hi: imma kienu bejn wieħed u ieħor l-istess nies li ippreferew lil waħda jew lill-ieħor?

    Hemm żewġ sitwazzjonijiet estremi li jistgħu jitfgħu dawl fuq x’igħidu dawn iċ-ċifri dwar il-qagħda tal-Partit Nazzjonalista. Sitwazzjoni waħda, forsi improbabbli, hi li bejn wieħed u ieħor l-istess nies li għażlu lil Adrian Delia għażlu ukoll lil Therese Comodini Cachia għall-mistoqsija li poġġiethomf’konfront ma’ Abela. F’dan il-kaz, dawn ir-riposti ma jagħtux wisq dawl dwar preferenzi bejn iż-żewġ esponenti Nazzjonalisti imma jgħidulna li kien hemm mat-13% tal-kampjun li jippreferu mexxej Nazzjonalista, hu min hu jew hi min hi, milli lil Robert Abela.

    26% lesti għal PM mill-PN?

    L-estremita’ l-oħra hija li dawn in-nies huma kważi kollha differenti, u ta’ Delia jew ta’ Comodini Cachia ġew minn dawk li irrispondew “L-ebda” għall-mistoqsija dwar l-ieħor. U din naħseb li hi aktar sitważżjoni probabbli għax tfisser li il-kampjun setgħa kellu viċin is-26% li lesti jafdaw mexxej Nażzonalista, imma mhux ikun min ikun. U din hija akar viċin iċ-ċifra ta’ 21% tal-kampjun li qalu li jivvotaw PN jekk issir elezzjoni issa.

    Konna inkunu nistgħu ngħidu aħjar kieku min għamel is-survey qalilna lil min ippreferew fit-tieni mistoqsija dawk li ippreferew lil Delia fl-ewwel, u viċi-versa. Kienet tkun interessanti ukoll kieku staqsew lill-parteċipanti tas-survey lil min jippreferu minn Delia u Comodini Cachia.

    Kontroversja oħra fil-PN wara l-istħarriġ tal-MaltaToday

    Il-Laburisti jippreferu li jibqa’ Delia

    Din is-itwazzjoni donnha tikkonferma l-qasma li hemm fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Is-survey jindika li 29% ta’ dawk li vvotaw PN fl-aħħar elezzjoni qalu li mhux sa jivvotaw, u 9% huma dubbjużi.

    Allura l-mistoqsija politika li naħseb l-aktar li toħroġ hi: x’jixtiequ dawn l-ex votanti Nazzjonalisti? Il-mod kif ir-“ribelli”qed jipprovaw ineħħu lil Delia ma intogħoġobx?

    (Minn das-survey jidher li votanti Nazzjonalisti huma maqsuma ukoll fuq din, waqt li maġġoranza tal-Laburisti jippreferu li jibqa’ Delia.)

    L-għażla ta’ Comodini Cachia ma intogħoġbitx?

    Jista’ jkun, imma naħseb għadu kmieni wisq biex wieħed jiġġudika lil Therese Comodini Cachia. Wieħed jista’ igħid li fi ftit ġranet ġabret appoġġ daqs kemm għandu Adrian Delia, u għad ma kellhiex ċans turi xi ssarraf bħala mexxejja.

    Insomma, fix-xena politika imqanqla f’Malta, dan is-survey donnu jiftaħ mistoqsijiet daqs kemm jirrispondi.

     

    Josef Lauri huwa professur tal-matematika fl-Universita’ ta’ Malta.