Xarabank: tajjeb li tneħħa

    Ħadt gost meta smajt li l-programm televiżiv “Xarabank” mhux se jkompli wara ħafna snin. Min-naħa l-oħra, iddispjaċini sinċerament għal Peppi Azzopardi għax naf kemm kien għal qalbu dan il-programm. Barra minn hekk, Peppi Azzopardi huwa wieħed mill-persuni l-aktar intellettwalment onesti li qatt iltqajt magħhom. Mhuwiex tip, bħalma sfortunatament issib ħafna, li għax hekk jaqbillu jew għax il-maġġoranza hekk tkun taħsibha, se jgħid xi ħaġa li tmur kontra l-prinċipji tiegħu, jiġifieri dak li jemmen fih.

    Tajjeb ukoll li nsemmi li Peppi għamel ħafna ġid bil-ħidma filantropika tiegħu u kien ukoll leħen prominenti għal ċerti minoritajiet bħall-migranti li jaslu Malta kif ukoll il-priġunieri tal-ħabs. Leħen li ħafna drabi kien jgħajjat fid-deżert imma li baqa’ dejjem jippersisti minkejja l-ostakoli li dejjem sab ma’ wiċċu minħabba kif taħsibha ċerta sezzjoni tas-soċjetà Maltija.

    Tistaqsuni: “mela għaliex ħadt gost li ‘Xarabank’ spiċċa?” – Ngħid għaliex. L-ewwelnett, jien nemmen li programmi ta’ dan it-tip għandhom dejjem ikollhom l-għan primarju li jedukaw lill-udjenza li ssegwihom. “Xarabank” kien jiġi prodott b’mod li l-kuntrarju kien jiġri. Ħafna drabi, membri tal-panel li kienu jġibu ruħhom bl-aktar mod aggressiv, pastaż u ma jagħtux ċans lil min ma jaqbilx magħhom li jitkellem, kienu jirrenjaw. Kemm-il darba rajna programmi fejn membri tal-panel interrompew lil ħaddieħor meta kien qed  jitkellem jew għajtu kemm felħu biex jitfu dak li qed jgħid. – Aħna dan it-tip ta’ ċerċuriżmu rridu nippromwovu fuq l-istazzjon nazzjonali?

    Tul is-snin kont mistieden fuq il-panel  ta’ “Xarabank” xi seba’ darbiet. Niftakar programm partikolari fejn stajt mort inpoġġi mal-udjenza għax kull meta ppruvajt nitkellem, sibt wieħed jaqbeż il-ħin kollu u jikkummenta u ieħor jgħajjat u jwaqqa’ dak li qed ngħid mingħajr ma jħallini nispiċċa. Xi ħadd waqqafhom? – Ħadd. X’tagħmel? – Taqbad tgħajjat kemm tiflaħ int ukoll? – Għaliex għandu bniedem jaqa’ għal dak il-livell? – Dak iż-żmien kont edukatur u seta’ kien hemm studenti tiegħi qed jaraw il-programm. X’eżempju kont nagħti kieku jien ukoll bdejt nagħmilha ta’ pastaż? U dan li qed ngħid jistgħu jixhduh ħafna nies li kienu fuq panels tul is-snin.

    Issa jien naf li hemm sezzjoni tas-soċjetà li jappellalha programm ta’ dan it-tip fejn id-“diskussjoni” tkun tixbaħ xi ġlieda bejn iċ-ċrieċer! – Imma l-istazzjon nazzjonali għandu jirriduċi ruħu għal dan il-livell? – Iktar minn hekk, ma rridux ninsew li “Xarabank” dejjem kien programm b’aġenda warajh u Peppi Azzopardi dejjem kien onest dwar dan u qatt ma ċaħad li hu dejjem kien jieħu pożizzjoni partikolari fuq il-kwistjoni li tkun qed tiġi “diskussa”. Ċerti kelliema kienu jingħataw aktar ħin minn ħaddieħor. Oħrajn kienu jitwaqqfu b’sempliċi: “okay, grazzi”.

    Ma nistax ma nsemmix il-politika. Tajjeb li kwistjonijiet importantissimi li jolqtu lil kulħadd jiġu “diskussi” fuq programm bħal “Xarabank”? – Ma naħsibx. Jien naħseb li dawn għandhom jiġu diskussi fuq programmi apposta mtella’ mill-Awtorità tax-Xandir u mhux naraw programmi bħal dawn biss meta tkun ġejja xi elezzjoni.

    Fl-aħħarnett, ikolli nistqarr li s-Sur Peppi Azzopardi huwa professjonist mill-aqwa fil-qasam tal-media lokali. Huwa ħarreġ numru kbir ta’ professjonisti f’dan il-qasam u laħaq standards għoljin ħafna tul il-karriera tiegħu. Għalhekk, nemmen li l-istazzjon nazzjonali għandu jibqa’ juża s-servizzi tiegħu, forsi għal xi programmi ġodda li jkunu differenti minn “Xarabank”. Bħala bniedem li speċjalizzajt fl-istorja, kont apprezzajt ħafna s-serje eċċellenti bl-isem ta’ “Bijografiji” li kien jippreżenta Peppi xi snin ilu.

    Nawguralu għall-ġejjieni.