X’qed nagħmlu bl-ilma tax-xita?

    Kieku wieħed  kellu jistaqsi minn fejn inġibu l-­ilma m' għandiex dubju li jkunu ħafna dawk li  jgħidu li dan jiġi mill-­vit! Forsi wħud jgħidu mid-­distillaturi li jaqilbu l-­ilma baħar f’ilma tax-­xorb. Imma naħseb li jkunu l-­ftit dawk li jaħsbu lix­-xita ttina ilma tajjeb għax­xorb u b’xejn għax ftit huma dawk li jgħarfu l-­importanza ta’ dan l-­ilma. Dan, wara li jaqa’ mis-­sema b’xejn, jinxtorob mill­-blat u bil­mod il­-mod jinħażen fl-­ilma tal-­pjan, kemm dak ta’ fuq,  kif ukoll dak ta’ taħt. Fil-­qedem kien is-­sors tal­-ħajja fil-­gżejjer Maltin, u għal numru kbar ta’ snin kien jisqi kemm lill-­bniedem u l-­bhejjem tiegħu fuq din l-­art. Kienu jaħsbu bi ­sħiħ biex dan ma jinħeliex.
    Minn jaf kemm konna nixorbu anki minn nixxigħat, jew inkella ntellu ftit ilma bil­-barmil mill­-bir. Dak kien ilma bnin u frisk, u b’xejn. Għidt konna għax illum wieħed jiftaħ il-­vit u jsib l-­ilma, li nħallsu għalih. U hekk nemmnu li dak tax-­xita ma għandux valur u mhux tajjeb. Għalhekk ftit hemm għarfien tal-­bżonn li nieħdu ħsieb dan ir-­riżors, dejjem sakemm meta niftħu l­-vit insibuh.
    Tant tlifna kull apprezzament ta’ dan ir-­riżors importanti għall-­ħajja li jasal għandna b’xejn, li llum aktar hemm sforzi biex narmuħ milli biex naħżnuh.
    Ngħid għalija ma nistax nifhem it-­tfassil poliltiku li twettaq dan l-­aħħar snin. Kien hemm liġi tal-­1854 li kull qatra ilma tax­-xita trid tiġi maħżuna. Imma Ministru Malti ħassar dan l­-obbligu li kienet titlob li kull dar u kull binja jkollha bir kbir skont il-­kobor tal-­binja, biex jilqa’ u jaħżen l­-ilma tax-­xita, u dan tpoġġa f’linji gwida. U hekk issa l-­ilma li jaqa’ fuq il-­bjut jista’ jmur fit-­toroq jew fid-­dranaġġ li qatt ma tfassal biex jieħu dan l-­ilma kollu. Wieħed jista’ jara numru ta’ funtani ta’ ilma mniġġeż ħiereġ mit-­tappieri fit-­toroq, u ilma ħiereġ fit-­toroq minn fuq il-­bjut. Dan imur fil-­widien u jniġġeż kull fejn jgħaddi, saħansitra anki l-­ilma tal-­pjan.
    Naraw ukoll Ministru li biex itaffi l-­għargħar minn dan l-­ilma mit-­toroq, il-­biċċa ’l kbira mniġġeż, iħaffer mina taħt l-­art bi flus mill­Unjoni Ewropea (madwar €70 miljun) biex l-­ilma tax-­xita ma jibqax jiġri fit-­toroq imma jintrema l­-baħar. Smajna li dalwaqt titlesta din il-­mina u naħseb li jindaqqu ftit trombi għall-­ftuh ta’ din l-­opra!  
    Ngħid, kieku b’dawn il­-flus kollha tħaffru ġwiebi kbar f’kull bitħa ta’ kull skola li għandna u f’kull wesgħa fl­-irħula biex jilqgħu u jaħżnu dan l-­ilma, u kieku l-­bjar u l-­ġwiebi li hawn ta’ żmien il-­Kavallieri, issewwew u tranġaw, u kieku min ried iħaffer bir fid-dar tiegħu kien mgħejjun, ma kienx ikun aħjar milli dawn il-­flus intremew il­-baħar?
    Saħansitra Ministru, ukoll minħabba l­-obbligi u anki bi flus miġjuba mill­-UE, bena impjant ħdejn il­-baħar biex isaffi l-­ilma tad­dranaġġ. U niftakar kemm­ il-darba li dan ftaħar li dan l-­ilma ma għandux valur ekonomiku, u li Malta sejra tkun l­-ewwel pajjiż fl-­UE li tarmi, iva tarmi fil-­baħar, l-­ilma msaffi mid­-dranaġġ. U żgur li mhux sejrin nibqgħu tal­-ewwel biss, imma anki tal-­aħħar għaliex fl­UE l-­ilma msaffi jintuża u jerġa jintuża u mhux jintrema, minkejja li għandhom ħafna aktar ilma milli għandna aħna. Ara Singapor, l-­ilma tad-­dranaġġ jużawh, darba, tnejn, tlieta, sa seba’ darbiet, u anki għax-­xorb. Imma la fl­-UE u lanqas f’Singapor għadha ma waslet l-­intelliġenza endemika tal­-politku Malti. Għandniex biex inkunu kburin f’dan il-­pajjiż!
    Mhux talli hekk, talli wara li l-­ilma tad­-dranaġġ imsaffi, u l-­ilma tax-­xita jintremew il-­baħar, ftit metri ’l bogħod minn fejn dan jintrema, għandna d­-distillaturi li jerġgħu jiġbdu l-­ilma mill-­baħar u jsaffuh biex jerġgħu jwassluh ġol-­vit fid­-djar u fl­-industrija: minn fejn ikun intrema. U biex isir dan jinħaraq ammont kbir ta’ żejt fossilizzat biex iħaddem id­-distillarturi, u joħorġu flus Maltin barra minn Malta biex jinxtara. U l-­ħruq tiegħu iniġġeż l-­arja.
    Xi kultant nistaqsi lili nnifsi jekk hemmx xi ħadd li huwa, jew kien, aktar ħerqan li jixtri ż-­żjut minn barra minn Malta milli huwa biex jaħżen u jsalva risorż naturali li l-­Ħallieq itina kull sena b’xejn. Imma mbagħad ngħid, jien min jien, biex nista’ nifhem din l­intelliġenza kollha endemika tal-­politikant Malti! Dan huwa Onorevoli u intelliġenti, magħżul minn nies biex imexxina. U jien f’hiex nifhem fil­-politika, fin-­negozju taż­-żejt, fil-­magni, u fix-­xogħol, imma għandi biss interessi soċjali u ambjentali?
     
    Alfred E Baldacchino
    Ikkwalifikat fl­-Ippjanar u l-­Immaniġġar tal­-Ambjent

    alfredbaldacchino.wordpress.com
    aebaldacchino@gmail.com