Wasal iż-żmien li lil Pieter Omtzigt nieqfulu

    Huwa totalment inaċċettabbli u tal-mistħija li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa approva l-pożizzjoni li ħa r-rapporteur Pieter Omtzigt, jiġifieri illi l-inkjesta pubblika stabbilita mill-Gvern Malti tal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ma tissodisfax il-kriterji tal-Kunsill tal-Ewropa.

    Dak li qiegħed jitlob Omtzigt biex skont hu l-inkjesta pubblika tissodisfa dawn il-kriterji huwa prattikament li aħna nitilfu l-indipendenza ta’ pajjiżna u nispiċċaw bħalma konna fiż-żmien kolonjali. Fost diversi proposti insolenti li għamel, jispikkaw dawn:

    • Il-possibilità tal-inklużjoni fil-Bord ta’ Inkjesta ta’ esperti internazzjonali biex tiġi aċċertata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Bord.
    • Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia għandha tgawdi minn pożizzjoni privileġġjata, inkluża l-possibilità li tippreżenta mozzjonijiet proċedurali, tistaqsi lix-xhieda u tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha.
    • Għandu jiġi investigat jekk l-attivitajiet ta’ persuni politiċi u pubbliċi kkontribwixxewx għal klima ġenerali ta’ impunità u atmosfera ostili lejn ġurnalista bħal Daphne Caruana Galizia, jew wasslux għal tbagħbis fl-investigazzjoni tal-mewt tagħha.

    Qatt smajtuha li pajjiż indipendenti jagħmel inkjesta pubblika interna u jkollu esperti internazzjonali jgħassulu fuq dak li jagħmel? – Qatt smajtuha li l-familja tal-vittma, jiġifieri l-iktar nies li mhumiex imparzjali fil-każ, ikunu parti minn kif titmexxa l-inkjesta? – Tidħak jew tibki meta taqra dwar tbagħbis fl-investigazzjoni tal-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia meta tiftakar li saħansitra l-FBI, l-Interpol u l-Keskusrikospoliisi tal-Finlandja kienu parti mill-investigazzjoni?

    Naf li kienu żminijiet oħra u ċirkostanzi differenti imma ma nistax ma niftakarx kif kien iwieġeb bil-qawwa kollha u bla kantunieri l-mibki Dom Mintoff meta xi politiku barrani kien jipprova jitkessaħ magħna l-Maltin għaliex aħna żgħar. Għalhekk, nemmen li wasal iż-żmien li sew lil Pieter Omtzigt u anke sħabu fil-Kunsill tal-Ewropa nieqfulhom b’mod sod.

    Naturalment, min-naħa tagħna hemm bżonn insolvu darba għal dejjem il-misteru wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dan għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd, kif ukoll naċċertaw li kull theddida għal-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna tiġi eliminata minnufih. Dan hu pajjiż demokratiku u ħieles u rridu nipproteġu lill-ġurnalisti tagħna.