Wara l‑elezzjoni, xi jmiss għall‑MEPs?

    Fl‑24 ta’ Mejju tellajna sitt MEPs biex jitkellmu u jiddeċiedu għalina fl‑Ewropa. Issa xi jmiss?
    F’dawn il‑jiem l‑MEPs neo‑eletti qegħdin jerħulha kollha kemm huma lejn Brussell fejn, minbarra li jisettiljaw mitt ħaġa relatata mal‑uffiċċji u l‑assistenti li ser ikollom magħhom fi Brussell, qed jiltaqgħu ma’ diversi MEP's oħra kif ukoll mal‑uffiċjali tal‑gruppi politiċi li ser ikunu qegħdin jiffurmaw parti minnhom.
    Fil‑ġimgħat li ġejjin nistennew li nisimgħu f’liema kumitati ser ikunu qegħdin ipoġġu l‑MEP's Maltin. Hemm 20 kumitat settorjali fil‑Parlament Ewropew. Dawn il‑kumitati huma l‑post fejn wieħed jista’ jbiddel l‑affarijiet u jifforma ideat politiċi ġodda. Fil‑kumitati, l‑MEP's ikollhom f’idejhom il‑pinna tal‑leġiżlatur. Jistgħu jressqu emendi għal‑ligijiet tal‑Unjoni u b’hekk jistgħu jagħmlu differenza kbira jew żgħira favur jew kontra l‑interessi ta’ Malta u ta’ setturi partikolari milquta minn dik il‑liġi.
    Fil‑fatt fil‑gruppi politiċi bħalissa għaddej eżami mportanti. Qed jiġu eżaminati l‑profili tal‑MEP's eletti u jibdew jiġu kkalkulati l‑pożizzjonijiet disponibbli fil‑kumitati.
    Il‑postijiet fil‑kumitati huma limitati. Kull grupp politiku jista’ jinomina biss numru limitat ta’ MEP's għal kull kumitat skont il‑porzjon tiegħu mill‑MEP's eletti. Per-eżempju fil‑kumitat LIBE, li jitratta fost l‑oħrajn l‑immigrazzjoni, hemm 60 membru. Is‑soċjalisti, li tellgħu 189 MEP minn 751 (jiġifieri 25%), għandhom dritt għal 25% mis‑siġġijiet fil‑LIBE, jiġifieri 15‑il siġġu. Din il‑formola hija approssimattiva iżda l‑prinċipju jibqa’ dejjem dak tal‑proporzjonalità.
    L‑MEP's Maltin għaldaqstant ser ikunu qed jikkonkorru għal numru ta’ postijiet limitati fil‑kumitati f’kompetizzjoni ma’ MEP's ta’ partiti oħra u wkoll bejn nazzjonalitajiet differenti fl‑istess partit. Il‑gruppi politiċi għandhom ir‑rwol li jaraw li jkun hemm bilanċ bejn MEP's mill‑pajjiżi l-kbar u dawk mill‑pajjiżi ż‑żgħar kif ukoll bilanċ bejn pajjiżi tat‑Tramuntana u dawk tan‑Nofsinhar u bilanċ ta’ elementi oħra skont il‑każ u skont il‑kumitati inkwistjoni.
    Il‑gruppi politiċi jinnominaw l‑MEP's fil‑kumitati u fil‑pożizzjonijiet ewlenin f’dawk il‑kumitati bil‑ħsieb li dawn ikunu jistgħu jimbuttaw il‑pożizzjonijiet politiċi tal‑grupp. Għaldaqstant il‑grupp politiku ser ikun qiegħed jara li MEP's b’esperjenza partikolari u b’għarfien tekniku speċjalizzat jintużaw tajjeb fil‑kumitat fejn jistgħu jagħtu l‑aktar riżultati.
    Fost il‑kumitati, l‑aktar ambiti fejn ser ikun hemm konkorrenza bejn l‑MEP's, insibu dak tal‑Kummerċ Internazzjonali li ser ikollu rwol determinati fil‑ftehim li qed jiġi nnegozjat mal‑Istati Uniti u ċ‑Ċina, dak tal‑Immigrazzjoni u l‑Libertajiet ċivili li mistenni jkun impenjat bi proposti ġodda dwar l‑immigrazzjoni irregolari, iżda wkoll dawk tas‑Suq Intern, tal‑Ekonomija u tal‑Baġit li huma responsabbli tal‑politika ekonomika kif ukoll tal‑implimentazzjoni tal‑finanzi tal‑Unjoni.
    S’issa kellna MEP's f’nofs il‑Kumitati tal‑Parlament Ewropew. Hemm kumitati importanti oħra fejn ma' kellniex MEP's Maltin. Fost dawn hemm il‑Kumitat tal‑Industrija u l‑Enerġja li mistenni jiddeċiedi fuq legiżlazzjoni ġdida dwar l‑Internet, il‑Kumitat tal‑Kultura u l‑Edukazzjoni fejn jistgħu joħorġu ideat ġodda għall‑programmi taż‑żgħażagħ, il‑Kumitat tal‑Affarijiet Legali li mistenni jkun imħabbat bi kwistjonijiet ta’ fejn għandha tasal l‑Unjoni u fejn jibdew il‑kompetenzi tal‑pajjiżi kif ukoll il‑Kumitat għall‑Iżvilupp Reġjonali li jista’ jkollu rwol relevanti għall‑istatus ta’ Għawdex.
    B’sitt MEP's eletti mill‑ġdid u b’mandat b’saħħtu mill‑poplu fil-vot tal-24 ta' Mejju wieħed issa jħares ’il quddiem b’antiċipazzjoni għan-nomini tal-MEP's fil-kumitati. Dan ser ikun l-ewwel pass importanti fil-ħidma tagħhom sabiex jibdew iwettqu l-mandat fdat lilhom mill-poplu Malti.
     
    Dr. Peter Agius
    Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta