Wara l-burraxka: il-futur tal-Partit Laburista

    Żgur li aħna l-Laburisti bħalissa qed ngħixu waħda mill-aktar paġni koroh fl-istorja tal-Partit. Baħnan min jipprova jgħid il-kontra għax il-fatti huma fatti u ħadd ma jista’ jmerihom. Il-bniedem uman u, sfortunatament, ikollna nammettu li saru żbalji serji minn xi nies prominenti li stennejna aħjar minnhom.

    Madankollu, dan ma jfissirx li l-Partit Laburista qabad it-triq tan-niżla. Anzi, nemmen li wara din il-burraxka, il-Partit jaf joħroġ aktar b’saħħtu. Ejjew naraw ukoll il-pożittiv: 1) Il-Partit Laburista xorta għadu jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza assoluta tal-Maltin u Għawdxin kollha; 2) L-iżbalji ta’ ċerti individwi, anke jekk huma ta’ nies f’karigi importanti, ma jirriflettux il-qagħda vera sew fil-Gvern u anke fil-Partit inniffsu li t-tnejn għadhom igawdu rispett fejn tidħol is-serjetà, l-integrità u l-impenn favur il-ġid ta’ pajjiżna u l-poplu Malti; 3) Ma teżisti l-ebda alternattiva kredibbli għall-Partit Laburista fil-gvern; 4) L-aġir vjolenti u pastaż tal-marmalja li kasbret lill-Membri Parlamentari Laburisti suppost f’isem is-soċjetà “ċivili” juri kemm il-veru skop wara ħafna protesti huwa biss l-imminar tal-Gvern Laburista, anke jekk huwa veru li teżisti ċerta rabja ġustifikata fost il-poplu fid-dawl ta’ dak li qed jinkixef.

    Min-naħa tagħna l-Laburisti, naħseb li wasal il-waqt li nirriflettu sew fuq kif wasalna f’dan il-punt. Fl-opinjoni tiegħi, irridu nibdew minn issa niftakru li aħna konna partit politiku li twieled fl-1920 propju biex jikkumbatti sitwazzjoni fejn kellek ftit nies potenti li kienu jiddettaw l-aġenda ta’ dak kollu li kien isir fil-pajjiż u dan għad-detriment tal-kumplament tal-popolazzjoni. Mela, ma nistgħux aktar naċċettaw sitwazzjoni fejn il-Partit Laburista jkun viċin wisq tal-businessmen potenti. Aħna partit soċjalista, mhux partit primarjament ta’ min għandu l-flus u l-poter. Iva, il-Partit Laburista jrid ikun “pro-business” imma dan ifisser li tgħin lill-businessmen u mhux li tpoġġi l-interessi tagħhom qabel dawk tal-kumplament tal-poplu.

    Teżisti rabja ġustifikata fost ħafna nies għall-mod kif qed jinqered l-ambjent fl-interess ta’ ċerti żviluppaturi li għalihom l-ewwel il-but imbagħad l-ambjent u l-patrimonju nazzjonali. Teżisti rabja għal kif ċerti nies potenti joperaw bla permessi u anke jisfidaw ordnijiet tal-awtoritajiet kompetenti.

    Irridu wkoll nerġgħu ndaħħlu l-prinċipju tal-politika bħala servizz pubbliku, bħala l-qadi tal-poplu u l-pajjiż. Għandna wisq nies li qed jidħlu fil-politika sempliċement biex javvanzaw u jsiru sinjuri. Anke wħud minn dawk li jkunu minn ta’ quddiem fil-protesti kontra l-gvern, il-veru skop tagħhom huwa li tinqaleb il-folja u dak li qed igawdi ħaddieħor illum, igawduh huma għada. Fost numru ta’ politiċi spiċċa s-sens ta’ sagrifiċċju u ta’ politika li ma tħarisx lejn il-gwadann personali imma lejn servizz lis-soċjetà.

    Il-Partit Laburista jista’ joħroġ aktar qawwi minn qabel wara l-burraxka li jkun għadda minnha, basta jitgħallem mill-iżbalji tiegħu. U min jipprova jwaqqa’ l-Gvern Laburista elett b’maġġoranza enormi ta’ voti mill-poplu Malti, ikun ħati ta’ attentat ta’ kolp ta’ stat. Ir-risposta jeħodha mingħand il-poplu stess.