Vlogg: Xhieda ta’ ekumeniżmu ta’ karità

    Kull sena fil-jiem bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar, l-Insara niċċelebraw ġimgħa ta’ talb għall-għaqda bejnietna.

    Sfortunatament f’dawn l-2,000 sena ta’ Kristjaneżmu, diversi drabi ġġilidna bejnietna bħala Nsara u kissirna l-komunjoni li talab għaliha. Fil-fatt fl-aħħar ikla tiegħu mad-dixxipli talab biex aħna nkunu ħaġa waħda biex id-dinja temmen. L-għaqda ta’ bejnietna ssaħħaħ il-fidi kif il-firda ta’ bejnietna tfixkilha.

    M’ilux meta grupp ta’ nies kienu abbandunati f’nofs ta’ baħar fil-Mediterran fuq vapur li ħadd ma ried jilqgħu, il-Knisja Valdese li hija Knisja Protestanta laqgħat 11 minnhom biex jgħixu l-Italja. Mhumiex Kattoliċi imma huma Nsara Valdiżi u taw xhieda ta’ ekumeniżmu tal-karità. Waqt li niftakru fl-Etjopjan ta’ ġilda skura li jismu Matthew u li miet ma’ 20 oħra Kopti fuq ix-xtut tal-Mediterran vittma tal-mibegħda tal-ISIS, niftakru wkoll f’Insara li qegħdin jaħdmu flimkien biex jgħinu l-proxxmu tagħhom. U dan huwa ta’ glorja kbira għalina. Dan huwa l-ekumeniżmu veru li jagħmlilna ġieħ.