Vlogg: Sejħa biex inkunu ċittadini tassew

    Fil-21 ta’ Settembru ta’ kull sena, aħna l-Maltin mill-1964 niċċelebraw Jum l-Indipendenza, il-jum meta Malta saret stat sovran u l-Maltin bdew ikunu responsabbli totalment tal-affarijiet tal-Istat kemm fuq il-qasam nazzjonali kif ukoll internazzjonali.

    L-appell tiegħi huwa li aħna nkomplu nikbru bħala ċittadini. Iċ-ċittadin huwa dak li jħossu responsabbli mill-istat, li huwa kburi, li huwa parti minn familja kbira li għandha patrimonju kbir, storja kbira. L-istat huwa msejjaħ biex ikun strument ta’ għaqda, strument li wieħed jaħdem għall-ġid komuni, mhux biss fuq il-livell nazzjonali imma wkoll fuq il-livell internazzjonali. Malta dejjem ħadet sehem fuq il-livell internazzjonali b’sens ta’ responsabbiltà u ta’ kooperazzjoni.

    Fl-1967, ir-rappreżentant ta’ Malta fil-Ġnus Magħquda ħadem u stinka b’inizjattiva li jkun hem liġi għall-ħarsien tal-ibħra u għalhekk kienet ukoll responsabbiltà ta’ Malta, li hija daqshekk żgħira fiċ-ċokon, li ġabet ħsieb kbir fl-unjoni tal-pajjiżi u bdiet anke tippromwovi l-kunċett tad-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Dan jagħmilna kburin. Hija sejħa, din il-festa nazzjonali, biex aħna nkunu ċittadini tassew.