Vlogg: “Nagħti ħajti biex il-poplu tagħna jfiq mill-ġerħat l-antiki”

    Fit-2 ta’ Novembru li għadda waqt it-tifkira solenni li nagħmlu ta’ kull sena għal ħutna l-mejtin, kelli l-opportunità nqaddes fiċ-ċimiterju tal-Addolorata u wara ddeċidejt inpoġġi kuruna ta’ fjuri fuq il-qabar ta’ grupp ta’ emigranti li midfunin fil-komun ta’ dan iċ-ċimiterju u li kienu ndifnu hemmhekk wara li għerqu fil-Mediterran.

    Filmat: “Il-Baħar Mediterran m’għandux isir ċimiterju”

    Kienet id-deċiżjoni tiegħi ukoll li nżur is-sezzjoni taċ-ċimiterju li fl-antik ma kinitx imbierka u li fiha kien hemm uħud minn ħutna li meta ndifnu ma ndifnux mal-Kattoliċi l-oħrajn. Jiena nixtieq infakkar li l-mewt tifridna mill-għeżież tagħna imma ’l ħutna mejtin jistħoqqilhom ir-rispett ta’ kull wieħed u waħda minna, huma min huma. Il-ġudizzju, wara kollox, f’idejn Alla. Il-ħniena tiegħu tifrex il-medda taż-żminijiet u tiżboq saħansitra fl-eternità.

    Filmat: L-Arċisqof jitlob maħfra għall-ħitan li nbnew mal-mejtin

    Apprezzajt ħafna t-turija ta’ ringrazzjament minn diversi sezzjonijiet tal-pubbliku Malti. Hemm bżonn naħdmu għar-rikonċiljazzjoni vera li mhix faċli. Il-feriti huma profondi u kbar. Imma jien nixtieq inwiegħed lill-poplu Malti din il-ħaġa:

    jiena nagħti ħajti biex il-poplu tagħna jfiq mill-ġerħat l-antiki u fil-Knisja jara l-ħabiba ta’ kulħadd, tal-kbir u taż-żgħir, tal-għani u tal-fqir.