Vlogg: L-Istat u l-Knisja jingħaqdu flimkien b’risposta favur il-ħajja

    Il-Ġimgħa, 17 ta’ Mejju, ġie inawgurat kumpless ġdid f’żona li jgħidulha Tal-Ibwar qrib is-Siġġiewi biex iservi ’l quddiem bħala ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-adolexxenti żgħażagħ vittmi tad-droga u ta’ dipendenzi oħrajn. Din l-inizjattiva tal-Gvern ġiet afdata f’idejn il-Caritas. F’isem il-Caritas u l-Knisja f’Malta nirringrazzja lill-Gvern tal-fiduċja li wera fis-servizzi li l-Caritas, ispirata anke mill-ġest profetiku ta’ Mons. Victor Grech, għamlet u tkompli tagħmel għall-ġid tas-soċjetà Maltija.

    L-investiment tal-Istat huwa investiment favur iż-żgħażagħ l-iżjed vulnerabbli imma huwa wkoll sinjal ta’ tama li anke persuna żagħżugħa li hija vittma ta’ sitwazzjoni diffiċli ħafna għandha tingħata ċans tibda ħajja ġdida.

    Kemm hi ħaġa sabiħa meta l-Istat u l-Knisja jingħaqdu flimkien biex jagħtu risposta favur il-ħajja.

    Il-Caritas tilqa’ din il-fiduċja u fl-istess ħin din l-isfida biex tagħti dan is-servizz li jrid ikun speċjalizzat u li mhuwiex biss kwistjoni ta’ ambjent naturali sabiħ kif hemm u bini adegwat imma wkoll jinneċessita, hemm bżonn għalih grupp ta’ esperti li jkollhom training speċjalizzat biex ikunu jistgħu joffru s-servizz.

    Il-Gvern impenja ruħu li mhux biss jiffinanzja l-binja imma wkoll il-kontinwazzjoni ta’ dan is-servizz. Il-Caritas qiegħda timpenja ruħha biex bit-training ta’ nies speċjalizzati, bl-esperjenza li għandha f’dan il-qasam imma wkoll bl-esperjenza l-ġdida li se jkollha fil-qasam speċjalizzat tar-rijabilitazzjoni taż-żgħażagħ, tkun tista’ tagħti servizz ieħor ta’ tama lill-pajjiż.

    Kemm hi ħaġa sabiħa meta l-Istat u l-Knisja jingħaqdu flimkien biex jagħtu risposta favur il-ħajja. Għaliex il-ħajja rridu nipproteġuha fil-bidu nett tagħha u anke sat-tmiem naturali tagħha imma fiż-żmien li l-bniedem jgħix fuq din l-art, għandu wkoll ikun protett, ikun salvagwardjat u jkun ukoll f’komunità li tgħinu jikber.

    Ħafna drabi ż-żgħażagħ tagħna jgħaddu minn mumenti diffiċli u jitrabbew f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà kbira. Aħna rridu nkunu sinjal ta’ tama biex ngħidulhom: ‘Kuraġġ, aħna qegħdin hawn biex ngħinukom!’

    AQRA: L-Arċisqof iżur is-sit tal-kostruzzjoni taċ-ċentru terapewtiku għall-adolexxenti