Vlogg: L-Arċisqof dwar iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi fix-xhur li ġejjin

    MGR-CHARLES-J-SCICLUNA

    Read in English.

    Ilkoll kemm aħna għaddejjin minn mumenti diffiċli ħafna. Jiena l-ewwel dover li għandi huwa li nsellem lill-awtoritajiet tas-saħħa, lil dawk kollha li qegħdin jaħdmu fl-isptarijiet tagħna b’mod speċjali fl-isptar Mater Dei u li qegħdin jagħmlu ħilithom biex min għandu bżonn il-kura tingħatalu imma fl-istess ħin qed jgħinuna wkoll bl-indikazzjonijiet tagħhom kif aħna nibqgħu siguri fi djarna u fl-ambjenti tagħna.

    Jeħtieġ li aħna nwaqqfu dan it-tixrid tal-virus, il-Covid-19, billi nobdu l-istruzzjonijiet. L-ewwel dover tagħna hija li aħna nieħdu ħsieb saħħitna. Il-Knisja f’Malta għandha d-dover ukoll tavża deċiżjonijiet importanti li se jkollhom effett fuq il-ħajja tal-familji u tal-komunitajiet tagħna u ovvjament għandha d-dover tiddeċiedi x’se jsir bl-okkażjonijiet reliġjużi. Okkażjonijiet oħra aħna nħalluhom f’idejn l-awtoritajiet ċivili u f’idejn l-istat. Imma fejn jidħlu l-purċissjonijiet tad-Duluri, tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid, id-deċiżjoni tagħna l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex huwa li dawn ma jsirux. L-indikazzjonijiet li għandna mill-Awtoritajiet tas-Saħħa huwa li nevitaw inizjattivi li jiġbru l-folol. Aħna nafu li għall-grazzja t’Alla, dawn l-affarijiet sbieħ li aħna ngawdu f’sena normali, u din is-sena mhijiex normali, jiġbdu ħafna nies u aħna għandna bżonn u d-dover nevitaw il-folol.

    Kien hemm ħafna ġenituri li staqsewna dwar il-preċett u l-Griżma, u allura għalhekk qed inħabbru minn issa d-deċiżjoni li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel Tqarbina tat-tfal għeżież tagħna u tal-Griżma taż-żgħażagħ tagħna, se jsiru wara s-sajf, wara li tgħaddi ’k Alla jrid, din il-burraxka. Id-dati mbagħad jitħabbru meta nkunu nafu tassew fiex qegħdin.

    Deċiżjoni oħra importanti, li aħna ħabbarna permezz ta’ dawn id-direttivi riċenti, hija li fil-parroċċi kollha l-festa tar-raħal u l-festi sekondarji jiġu ċċelebrati f’ġurnata waħda meta tgħaddi l-burraxka, u meta l-Awtoritajiet tas-Saħħa jippermettulna ċelebrazzjonijiet esterni u tal-massa, u se jsiru hekk: ikun hemm quddiesa fil-knisja, li tkun il-quddiesa tal-festa. Imbagħad min irid u meta l-komunità tkun tixtieq toħroġ l-istatwa titulari f’purċissjoni, il-purċissjoni tkun sempliċi pellegrinaġġ: pellegrinaġġ ta’ talb, ta’ ringrazzjament; għax aħna t-tama tagħna hija li l-festi tagħna jkunu jistgħu jsiru b’dan il-mod ridott malli tgħaddi din il-burraxka li hemm fuqna.

    Jiena nitlob lil kulħadd nikkoperaw. Qegħdin navżaw minn issa biex min qed jipprepara n-nar, biex min għandu bżonn jibbukkja ċerti affarijiet, għax il-festa tqanqal ħafna affarijiet għall-grazzja t’Alla, imma dis-sena hemm bżonn nagħmlu hekk biex inkunu nistgħu nikkoperaw mill-aħjar mal-Awtortijiet tas-Saħħa. U din id-direttiva tgħodd sal-aħħar ta’ din is-sena 2020. ’Il quddiem, jekk ikun hemm żviluppi differenti u ġodda, aħna lesti nirrevedu l-pożizzjoni tagħna, imma dwar il-festi d-deċiżjoni importanti li wieħed ikun jaf biha, biex ikun jista’ jippjana għax-xhur li ġejjin.

    Mill-qalb nawgura lil kulħadd li nibqgħu siguri, nevitaw dak kollu li hemm bżonn nevitaw biex nibqgħu f’saħħitna u nagħtikom mill-qalb il-barka pastorali tiegħi.

    Aqra d-direttivi kollha hawn