Vlogg: Jum l-Omm ‘fil-Ħlewwa ta’ Mejju’

    Read in English.

    Kull tieni Ħadd ta’ Mejju aħna l-Maltin niċċelebraw Jum l-Omm. Hija ħaġa sabiħa li niċċelebrawh fix-xahar ta’ Mejju ddedikat fid-devozzjoni popolari lil Sidnta Marija. Niftakru fil-kliem sabiħ li kiteb il-poeta Nazzjonali Dun Karm fl-innu fil-Ħlewwa ta’ Mejju li kien immużikat mill-Maestro Ġuseppe Caruana. Huwa innu li nħobbu nkantaw fil-Knejjes tagħna. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, għalkemm m’aħniex niltaqgħu fil-Knejjes tagħna, għalkemm nixtiequ ħafna li nkunu nistgħu nagħmlu hekk kemm jista’ jkun malajr, imma dejjem b’rispett lejn il-ħarsien tas-saħħa, għalkemm ma nistgħux niltaqgħu biex inkantaw dan l-innu sabiħ fil-Knejjes tagħna, tajjeb li meta nsegwu l-liturġija trasmessa, aħna ningħaqdu mal-kor u nkantaw dan l-innu sabiħ fid-djar u fil-postijiet fil-komunitajiet tagħna fejn niltaqgħu.

    Jum l-Omm huwa għalina jum għażiż. Din is-sena, l-awtoritajiet qed jgħidulna biex nevitaw li niltaqgħu fi gruppi kbar fil-familji tagħna. L-att ta’ mħabba kbira lejn ommijietna din is-sena huwa li nħarsu s-saħħa tagħhom u allura min lil ommu minflok iżurha jċemplilha, u forsi jħallilha kartolina jew bukkett fjuri, imma b’rispett lejn id-distanza soċjali neċessarji, jkun qed jagħmel att ta’ mħabba kbira. Kemm hi ħaġa sabiħa wkoll li ma ninsewx niftakru fil-ġenituri tagħna mejtin u nitlobu għalihom.

    Suġġeriment żgħir li nixtieq noffri. Aħna nieħdu pjaċir meta ngħalqu żmienna u dak li jkun jagħtina kartolina, jawguralna. Tajjeb li meta ngħalqu żmienna, meta jasal il-mument, li niċċelebraw id-don tal-ħajja, niftakru fil-ġenituri tagħna. Inti tieħu pjaċir tirċievi birthday card, mhux ta’ min tibgħat thank you card lill-ġenituri tiegħek? U min għandu l-ġenituri mejtin jaħseb fihom, joffri quddiesa għal ruħhom, ikun iċ-ċimiterju jagħmel bukkett fjuri.

    Jiena nawgura li dan Jum l-Omm ikun jum li fih aħna, bħalma nagħmlu dejjem, nuru l-imħabba tagħna lejn ommijietna u nirringrazzjawhom tad-don tal-ħajja.