Vlogg: It-twelid tat-tabib tar-ruħ

    L-Arċisqof Charles Scicluna
    knisja.mt

    Read in English.

    Fil-lejl qaddis tal-Milied huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nsellem lil kull wieħed u waħda minnkom, għeżież Maltin u Għawdxin.

    Insellmilkom bit-tislima tal-anġlu f’dan il-lejl qaddis: Glorja lil Alla fil-ogħla tas-smewwiet, paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba, lill-bnedmin li Alla tassew iħobb. Illum fil-belt ta’ David tweldilna Salvatur li hu Kristu l-Mulej (ara Lq 2:11-14).

    Imma dan il-kliem f’din is-sena daqshekk ikkumplikata, immarkata bil-pandemija tal-COVID-19, xi jfisser?

    Din is-sena, f’dan il-Milied, ejjew nistiednu lill-Mulej Ġesù jiġi magħna u jiġi fostna ta’ li hu: Alla mħabba magħmul bniedem. L-isem tiegħu, Ġesù, ifisser ‘Alla Salvatur’, imma isem ieħor li jagħtih il-Profeta Iżaija huwa ‘Għimmanu-El, Alla magħna’. Alla fejn qiegħed f’dan kollu?

    Min jaf kemm-il darba f’dawn l-aħħar xhur li għaddew minn fuqna staqsejna lilna nfusna: imma Alla fejn qiegħed f’dan kollu? Illum inħarsu lejn it-tarbija fil-maxtura ta’ Betlehem u r-risposta hija l-bikja kiebja ta’ tarbija li tgħidilna: “Jiena qiegħed hawn miegħek, għalik, jiena Alla magħmul bniedem, jiena Alla miegħek, Għimmanu-El”.

    Din is-sena rajna xhieda sabiħa ta’ mħabba li offrewlna tant frontliners li taw risposta sabiħa u ġeneruża — insejħulha wkoll erojka — għall-pandemija li laqtitna bla avviż, burraxka li m’aħniex se ninsewha malajr. Nixtieq insellmilhom u nagħtihom mhux biss il-barka f’isem il-Mulej u f’isimna, imma wkoll infisser f’isem kull wieħed u waħda minna l-gratitudni tagħna.

    Darba minnhom Ġesù uża din it-tixbiha tiegħu nnifsu bħala t-tabib: huma l-morda li jixtiquh it-tabib (ara Mt 9:12). Aħna f’dawn ix-xhur, b’sens ta’ gratitudni imma wkoll b’sens ta’ ammirazzjoni, ersaqna u ħarisna lejn it-tobba, l-infermiera, l-awtoritajiet tas-saħħa, lejn tant staff mediku u oħrajn fir-residenzi tal-anzjani tagħna u f’ambjenti oħrajn li kienu taħt prova kbira.

    Il-Milied irid iġib ukoll mhux biss fejqan fiżiku li nawgurawh lil kulħadd, imma fejqan spiritwali. U l-Mulej biex ifejjaqna ma jibgħat l-ebda tabib tal-ġisem imma jibgħat tarbija. It-tobba tal-ġisem qegħdin magħna, il-Mulej ikompli jagħnihom bil-għerf u bis-saħħa. Imma din it-tarbija ta’ Betlehem, il-Mulej Ġesù meta jikber, jgħidilna li kulma għamilna mal-iżgħar fost dawn ħutna, għamilnieh miegħu (ara Mt 25:40). Hu tant uman li huwa wkoll wieħed minna.

    Is-sena li ġejja

    Fis-sena li ġejja, li lkoll qed inħarsu lejha b’tama kbira, hemm bżonn li nkunu xhieda — bħalma għamilna f’dawn l-aħħar xhur — tal-għożża li għandna għal xulxin. Hemm bżonn nikkoperaw mal-awtoritajiet tas-saħħa għax din hija espressjoni tal-imħabba konkreta. Kull min jista’ jieħu l-vaċċin għandu jieħdu għaliex b’hekk nipproteġu mhux biss lilna nfusna imma anke lil dawk ħutna li minħabba ċirkustanzi differenti ma jistgħux jieħdu l-vaċċin.

    Kemm huwa importanti li aħna nifhmu dak kollu li tgħallimna f’dawn l-aħħar xhur; kemm hemm affarijiet għeżież li forsi ċċaħħadna minnhom u sibna t-tifsira vera tagħha bħalma hi t-tgħanniqa bejn il-maħbubin u bejn il-ħbieb — li d-distanza soċjali ċaħħditna minnha — imma wkoll il-possibbiltà li nżuru lill-għeżież tagħna, b’mod speċjali l-anzjani tagħna.

    Irrid insellem ukoll lil dawk il-familji li minħabba l-pandemija tilfu lil xi ħadd għażiż u kellhom jgħaddu mill-esperjenza kiefra li ma jistgħux ikunu qrib l-għeżież tagħhom fl-aħħar mumenti tal-ħajja. Tgħiduli dan se ssemmih ukoll f’lejlet il-Milied? Tajjeb li niftakru li l-Milied ma kienx biss ta’ ferħ għar-ragħajja, għall-maġi, u għal Marija u Ġużeppi, imma wkoll kien ta’ sfida. Il-maġi kellhom jagħmlu vjaġġ twil; ir-ragħajja jisimgħu leħen l-anġlu jistieden lilhom, l-imwarrbin tas-soċjetà li sabu s-Salvatur tagħhom; Ġużeppi u Marija kellhom jagħmlu vjaġġ kbir lejn Betlehem, l-art u l-belt ta’ David, biex jobdu ċ-ċensiment li ordna l-imperatur. Meta waslu fil-belt ta’ Betlehem ma sabux post fil-lukanda. Ġużeppi jpoġġi lill-għażiża Marija fi stalla f’għar tal-annimali. Hemmhekk jitwieled is-Salvatur tagħna.

    Meta aħna nħarsu lejn il-presepju f’dawn il-ġranet, ejjew nifhmu li anke għal Marija u Ġużeppi, bħalma jgħid il-Papa Franġisku, il-ħajja ma kinitx biss ward u żahar imma kienet ukoll sfida bħalma hi għal ħafna minna.

    Tama għall-poplu tagħna

    Il-kelma tiegħi hija kelma ta’ tama għall-poplu tagħna, kelma u tħeġġiġa biex aħna nkomplu naħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd. Il-ħsieb tiegħi wkoll imur lejn tant nies li jistgħu biss isegwu l-quddiesa ta’ kuljum permezz tat-trażmissjonijiet li għamilna matul din is-sena.

    Nirringrazzja lil tant nies li ssapportjaw lilna l-Isqfijiet, li tawna kelma ta’ kuraġġ, u li forsi ltaqgħu magħna għall-ewwel darba bħala isqfijiet inxandru l-Kelma ta’ Alla u nħabbru l-Aħbar it-Tajba tas-Salvatur li twieled għalina.

    Il-ħsieb tiegħi wkoll imur lejn ħutna l-emigranti li mhumiex f’Malta u Għawdex imma jsegwuna, iħobbuna u aħna mhux biss insellmulhom imma nawgurawlhom bħalma nawguraw lil xulxin.

    Nawgura lill-poplu Malti u Għawdxi, Milied hieni u sena ġdida mimlija risq, barka u saħħa. Il-paċi magħkom.

    ✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta