Vlogg: It-Twelid tal-Madonna solennità

    Read in English.

    Fit-8 ta’ Settembru niċċelebraw it-twelid ta’ Sidtna Marija. Għalina l-Maltin insejħulha wkoll il-festa tal-Vitorja. Din is-sena l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku laqa’ t-talba tagħna l-isqfijiet ta’ Malta u Għawdex biex din il-festa fil-Provinċja Ekkleżjastika Maltija tibda tiġi ċċelebrata bħala solennità.

    Għalina l-Maltin il-Vitorja dejjem kienet jum ta’ tifkira u ta’ ferħ, fl-istess ħin jum ta’ kommemorazzjoni. Niftakru f’tant nies li mietu biex jiddefendu l-patrimonju reliġjuż, storiku tagħna l-Maltin. Insellmu wkoll l-eroj tal-Assedju l-Kbir u tat-Tieni Gwerra Dinjija.

    Imma nitolbu wkoll biex it-twelid ta’ Marija jibqa’ jġib il-ferħ li ġġib kull tarbija ġdida li tidħol fid-dinja. Wara kollox qegħdin niċċelebraw it-twelid ta’ Omm Alla, it-twelid ta’ mara li kienet magħżula biex tkun il-qaddejja tal-Mulej. Kemm għandna x’nitgħallmu minn Sidtna Marija, b’mod speċjali fid-doni tal-umiltà, tal-bżulija u tal-imħabba.

    Marija Bambina tkun għalina lkoll tama u faraġ.