Vlogg: Ħames snin minn Laudato si’

    Waqt li niċċelebraw il-ħames anniversarju tal-enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si’, nifhmu kemm kien qawwi l-kliem meqjus tal-Papa Franġisku. Jiena nixtieq biex niċċelebraw proprju l-ħames anniversarju minn din l-enċiklika soċjali importanti niġbed żewġ riflessjonijiet anki fil-kuntest li qegħdin ngħixu bħalissa tal-pandemija tal-covid-19.

    Il-Papa insista fuq żewġ aspetti fost ħafna affarijiet. L-ewwel nett li hemm bżonn biex aħna nippromwovu l-ħarsien tal-ħolqien li ngħixu b’mod sobriju. Xi jrid jgħid? Li aħna ma nintilfux fil-ħela. Jew anki nippromwovu kultura tal-iskart. Iżjed ma nieħdu ħsieb xulxin u l-ħolqien, li huwa d-don ta’ Alla, iżjed tikber il-kwalità tal-ħajja tagħna.

    It-tieni aspett li nixtieq inwassal lil min qed jismagħni huwa li l-Papa jinsisti li l-kwalità tal-ħajja tagħna titjieb tassew jekk ngħixu s-solidarjetà bejnietna u bejn il-proxxmu kollu tagħna. L-istedina tiegħi hija li aħna ma ninsew qatt is-sejħa tagħna li nkunu solidari ma’ xulxin u b’mod speċjali ma’ min hu l-iżjed fqir. B’hekk aħna u nisimgħu l-kelma tal-Papa u nġedduha, il-ħajja tagħna mhux biss tkun ta’ kwalità aħjar, imma nkunu qegħdin nipparteċipaw fil-ħolqien ta’ Alla kif jixtiequ l-Mulej.