Vlogg: Appell biex f’Santa Marija ma nintrabtux mal-affarijiet tad-dinja

    Read in English.

    Wasalna lejn in-nofs tax-xahar ta’ Awwissu, li għalina l-Maltin ifisser l-Għid tal-Assunta, Santa Marija; u anki għal ħafna mill-ħaddiema tagħna perjodu ta’ vaganzi, ix-shut downs f’ħafna stabbilimenti u f’ħafna fabbriki jfissru wkoll mument ta’ vaganzi.

    L-ewwel ħsieb tiegħi huwa li aħna nippruvaw verament insibu mument ta’ mistrieħ, mument fejn inkunu mal-familji tagħna, mal-ħbieb tagħna. Mument anke fejn ingawdu l-ibħra sbieħ tal-Gżejjer Maltin u anke niċċelebraw proprju l-fatt li aħna flimkien. Nawgura lil ħafna familji li se jkunu flimkien f’dawn il-ġranet ta’ mistrieħ, sens kbir ta’ għaqda, ta’ paċi u rikonċiljazzjoni.

    L-Għid ta’ Santa Marija jfakkarna f’festa kbira tal-Madonna. Aħna Malta, din il-festa hija ċċelebrata f’tant postijiet, f’tant knejjes, li hija verament festa li lil pajjiżna żżejnu b’dak kollu li jafu joffru l-festi tagħna. Jiena nixtieq ukoll imma nagħmel appell biex fil-festa ta’ Santa Marija nisimgħu l-vuċi ta’ Sidtna Marija li tistedinna biex qalbna ngħolluha ’l fuq; biex qalbna ma tkunx biss marbuta ma’ din id-dinja sabiħa, ma’ din il-ħajja sabiħa, imma wkoll is-sejħa tagħna għall-ġenna.

    Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema hija sinjal li aħna għandna destin veru sabiħ, li hemm bżonn nippreparaw minn din il-ħajja billi ngħixu f’paċi ma’ xulxin, mal-proxxmu tagħna u ma ninsewx li Alla, ta’ ħniena kbira, iħobbna tassew.