Teqridx

    Fl-aħħar jiem ġie rrapurtat li l-Papa Franġisku waħħal tabella mal-bieb tar-residenza tiegħu f’Santa Marta. Din it-tabella taqra “Vietato Lamentarsi” – bil-Malti “Mhux permess it-tgergir”. L-istess tabella tavża lil min jgħaddi minn quddiemha hekk: “Tkomplix teqred, imma ħu azzjoni sabiex ittejjeb il-ħajja tiegħek.
    Għalkemm dan huwa kliem kemmxejn aħrax, minkejja li b’ton umoristiku, il-messaġġ huwa ċar: aħdem biex issir l-aħjar persuna li tista’ tkun; ikkonċentra fuq il-potenzjal tiegħek u mhux fuq il-limitazzjonijiet; agħmel mezz li dejjem tfittex li ttejjeb il-ħajja tiegħek billi tieħu azzjoni int, u mhux tistenna li ħaddieħor ser jagħmel dan għalik.
    Żgur li l-Papa mhuwiex qiegħed jindirizza dan il-kliem lejn min hu verament batut, jew min verament jinsab f’sitwazzjoni fejn m’għandux l-għodda biex itejjeb il-qagħda tiegħu. Din it-tabella hija ndirizzata pjuttost lejn dawk in-nies li jsibuha ħafna iktar faċli li jilmentaw fuq xi ħaġa li tkun ġratilhom minflok ma jaraw x’jistgħu jagħmlu biex jindirizzaw is-sitwazzjoni b’mod kostruttiv.
    Bħala poplu mdorrijin nilmentaw fuq ħaġa jew oħra. Din narawha ta’ spiss fil-konfront tal-amministrazzjonji tal-pajjiż, per eżempju. Kemm il-darba nilmentaw fuq in-nuqqas ta’ ndafa, iżda mbagħad ma naħsbuhiex darbtejn li nitfgħu karta jew sigarett ma’ l-art? Kemm il-darba nilmentaw fuq it-traffiku u n-nuqqas ta’ kontroll fit-toroq tagħna, iżda mbagħad inkunu minn ta’ l-ewwel li nipparkjaw ħażin biex nieqfu nixtru nofs tużżana pastizzi ta’ malajr? Kemm il-darba nilmentaw li l-bozza fit-triq ilha numru ta’ ġimgħat maqtugħa, iżda lanqas biss indenjajna ruħna nirrapurtaw li tkun inqatgħet? Kemm il-darba nitkażaw dwar il-qerda tal-ambjent ta’ madwarna, iżda meta tiġi opportunità li nsemmgħu leħinna b’mod pubbliku permezz ta’ dimostrazzjoni, petizzjoni jew modi oħra, nippreferu nagħlqu għajnejna u nehdew b’xi ħaġa oħra?
    Naħseb li l-messaġġ f’din it-tabella li waħħal il-Papa huwa ċar: qabel ma tgerger jew tilmenta dwar xi ħaġa, ħares fik innifsek u ara jekk hemmx xi ħaġa li tista’ tagħmel b’mod aħjar sabiex ittaffi dik is-sitwazzjoni partikolari. Tħallix li l-ewwel reazzjoni tiegħek tkun li tilmenta dwar xi ħaġa, iżda l-ewwel ara jekk tistax tagħmel xi ħaġa inti biex tindirizza l-problema.
    Il-messaġġ tal-Papa jista’ jinftiehem ukoll bħala stedina biex napprezzaw l-affarijiet sbieħ li għandna f’ħajjitna. Huwa faċli li niffukaw fuq dak li jdejjaqna, mingħajr ma nindunaw kemm għandna għal xiex inkunu grati, u mingħajr ma nagħrfu kemm dak li nkunu qegħdin neqirdu dwaru jkun insinifikanti ħdejn it-tbatija li jkunu għaddejin minnu dawk ta’ madwarna.
    Fl-ewwel tas-sena ħafna għandhom id-drawwa li jagħmlu riżoluzzjoni għas-sena li tkun għadha qed tibda. Ħafna drabi tkun riżoluzzjoni li ser jagħmlu xi ħaga b’mod aħjar mis-sena ta’ qabel. Iżda ħafna drabi wkoll din ir-riżoluzzjoni tintesa wara ftit jiem jew ġimgħat. Forsi ta’ min dawn ir-riżoluzzjonijiet nagħmluhom ta’ kuljum, għaliex kuljum jiġu sitwazzjonijiet fejn nistgħu naġixxu b’mod aħjar mill-bieraħ. Kuljum nistgħu niddeċiedu li nagħmlu pass kostruttiv biex nindirizzaw dak li jdejjaqna, u nkunu proattivi fil-ħajja tagħna. Kuljum hi opportunita’ biex ninbidlu għall-aħjar.