Veru morna l-baħar?

    Morna l-baħar! Le mhux biex ngħumu jew nixxemxu. Morna l-baħar għax spiċċajna fejn tidħol il-fidi! Mhux biss inżilna fil-fond imma saħansitra qed inħaffru f’qigħ il-baħar biex inkomplu ninżlu aktar fil-fond. Fejn huma l-valuri li kellhom missirijietna? Kif inbidlet Malta! U taħsbu bil-progress kollu li ngħidu li għamilna morna lura jew ‘il quddiem?
    Dan kollu hu parti minn prietka li smajt fil-festa ta’ Santa Marija li għaddiet. Il-qassis kompla jżewwaq l-omelija tiegħu billi għamel eloġju għal dak li għamlu missirijietna matul l-aħħar gwerra u kif permezz tat-talb tagħhom irbaħna l-għadu. U issa kif tlaqna kollox! (Ma semmiex l-abbużi oxxeni li kienu jsiru bil-black market u s-serq li kien isir minn djar imġarrfa, tant li l-istess Knisja kellha tieħu azzjonijiet drastiċi biex twaqqaf dawn l-abbużi).
    U kompla jħambaq u jippontifika dwar il-kruha tas-soċjetà li qed ngħixu fiha llum. Stħajjilt li se joħroġ in-nar minn ħalqu. U ma nafx għala żejjen kollox b’żewġ sentenzi bil-Latin li mbagħad kellu joqgħod jaqlibhom għall-Malti għax ħadd ma fehmu.
    U n-nies ħarġet mill-Knisja, f’nhar Festa li kellha tnissel f’qalbhom ferħ kbir u fiduċja li huma wkoll bħal Marija għad igawdu l-glorja ta’ Alla bir-ruħ u l-ġisem, b’rasha baxxuta, imdejqa u mħawda, u tlissen “x’għarukaża fiex wasalna!”
    Dan mhuwiex każ uniku ta’ prietki li jaqtgħulek nifsek u jġegħiluk tħossok qed tgħix fl-infern mhux fid-dinja!
    Fin-naħa l-oħra ta’ pajjiżna, propju f’Għawdex fl-istess żmien, l-Isqof Mario Grech ħareġ ittra pastorali b’ton totalment differenti. “B’xorti ħażina,” qal l-Isqof, “(fostna) jeżistu l-profeti tal-qerda, li fil-ħeġġa reliġjuża li għandhom aktar ħsiebhom biex jinnutaw it-tebgħa milli l-ħafna tajjeb li hemm fil-bniedem”. Fi kliem ieħor dawn huma dawk li nistgħu nsejħulhom profeti tad-doom and gloom.
    Mons. Mario Grech kien realistiku dwar id-diffikultajiet u l-isfidi li qed ikollna nħabbtu wiċċhom magħhom. Tkellem dwar il-faqar madwarna, mhux biss dak materjali, imma faqar affettiv, intellettwali, emozzjonali, u ta’ valuri. Kompla jgħid li żmienna hu mmarkat b’għadd ta’  kriżijiet personali, familjari, ekonomiċi u istituzzjonali. U wasal biex jgħid li dawn qed iġibu tbatija, dipressjoni, pessimiżmu u sfiduċja fil-futur.
    Ma ddejjaqx jgħid li fil-Knisja hemm min jaqta’ qalbu – hemm dawk li jispiċċaw delużi – b’dak li ma seħħx, b’dak li ma nbidilx, u dak li qed iseħħ. Hemm min mhux lest li jaċċetta l-aġġornament li l-Knisja qed tipprova tagħmel fl-approwċ pastorali tagħha. Bħal donnu dawn iridu jreġġgħu l-arloġġ lura.
    Imma l-Isqof Grech ma waqafx hemm! Ikkonkluda li l-akbar ħsara li tista’ tiġrilna hi meta nitilfu t-tama.  “Huwa skandlu meta aħna l-insara naraw kollox minn nuċċali iswed… Kuraġġ… Ladarba Alla qed joffri li jkun sieħeb tagħna fil-mixi tagħna, qatt ma għandna nċedu l-armi.”
    Liema messaġġ tixtieq tisma’ fil-quddiesa ta’ nhar il-Ħadd li ġej? Kull omelija tista’ tkun jew negattiva jew pożittiva, tista’ tħallilek jew togħma morra inkella ħelwa; kull prietka tista’ tiżra’ fik il-kuraġġ u t-tama inkella  twasslek biex taqta’ qalbek.
    Il-profeti tad-doom and gloom huma motivators zopop. Mhux se jwasslu biex tintmessilna l-kuxjenza tagħna u nibdew nieħdu l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu b’aktar serjetà.  Mill-banda l-oħra, it-tama hija ħafna aktar qawwija. It-tama iġġegħelna nħarsu lejn il-mera, nindunaw b’dak li hemm bżonn inbiddlu imma tgħinna nħarsu b’ottimiżmu lejn il-ħajja u tixprunana biex infittxu u nsibu t-tajjeb li hawn madwarna.
    Il-profeti tad-doom and  gloom iwassluna għal-legaliżmu, imma t-tama u l-kuraġġ jispirawna għal ħajja aktar sabiħa u profonda. 
    Il-baħar nistgħu nħabbtu rasna mal-blat, nistgħu ngħoddsuha fir-ramel, imma wkoll nistgħu nixxemxu bit-tama tal-Kelma ta’ Ġesù li ma jieqaf qatt jgħidilna, “agħmlu l-qalb!” 

    Nikol Baldacchino huwa ekseditur tal-ġurnal Il-Ġens kif ukoll membru attiv ħafna fil-Moviment Kariżmatiku.