Unjoni Ewropea – Sittin Sena ta’ Kisbiet Fraġli

    Il-ġimgħa l’oħra f’Ruma saret ċerimonja solenni fejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni u l-Presidenti tal-istituzzjonijiet Ewropej iddikjaraw li qed jimpenjaw ruħhom għal Ewropa aktar magħquda u aktar solidari.
    Għalina l-Maltin is-sittin sena tat-Trattat ta’ Ruma forsi ma jfissrux wisq. Għalina forsi aktar relevanti l-anniversarju tal-ewwel ta’ Mejju tas-sena 2004 – meta sirna membri bid-dritt li niddeċiedu ma’ pajjiżi kbar li qabel kienu jiddeċiedu għalina.
    L-immaġini kollettiva Maltija hija ta’ Eddie Fenech Adami u Joe Borġ jiffirmaw it-trattat tal-Adeżjoni f’Ateni wara referendum u elezzjoni ġenerali kumbattuta. Iżda jekk naħsbu li dak li ġara Ruma fl-1957 huwa irrelevanti sejrin żball.
    Kien grazzi għall-idea ta’ Robert Schuman u Jean Monnet u l-appoġġ li sabet minn Adenauer, De Gasperi, Spaak u oħrajn li llum nistgħu ingawdu postna fl-Unjoni Ewropea. Kienu dawn li wittew it-triq f’Ruma għad-destin Ewropew ta’ Malta.
    Il-wegħda Ewropea twettqet. L-aħħar sittin sena tal-Ewropa kienu effettivament l-aħjar sittin sena tal-kontinent Ewropew. Dan qalu l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani meta laqa’ fi Brussell 751 ċittadin Ewropew fil-Parlament tal-poplu.
    Aħna l-Maltin nistgħu ukoll ngħidu li l-wegħda tal-Ewropa twettqet – għalina l-Ewropa hija fuq kollox vantaġġi konkreti. Hija opportunitajiet għaż-żgħażagħ inkluż għal aktar minn elf Malti u Maltija li marru jistudjaw barra grazzi għall-programm erasmus u għal aktar minn seba’ t’elef li jistudjaw l-MCAST fis-sena fl-aħjar faċilitajiet grazzi għal fondi Ewropej.
    Vantaġġi konkreti għall-intrapriżi tagħna fejn ħafna minnhom ħakmu s-suq miftuħ u saħansitra qed jespandu wkoll barra minn Malta. Vantaġġi konkreti wkoll għal eluf ta’ ħaddiema li l-ħobża tagħhom tiddependi fuq is-swieq miftuħa li għandna fit-tramuntana, fejn il-kumpanniji stabbiliti Malta jistgħu jesportaw bla xkiel u bla limiti.
    Id-dikjarazzjoni ffirmata f’Ruma għandha l-ħsieb li tistrada l-passi tal-istituzzjonijiet fuq il-futur tal-Unjoni Ewropea. Naħseb li meta nitkellmu fuq il-futur tal-Ewropa jeħtieġ nibdew mir-realizzazzjoni tal-Ewropa xi tfisser illum għaċ-ċittadin.
    Bħalissa għandna problema kbira li s-sentiment taċ-ċittadin fuq l-Ewropa qed jibbaża b’mod sproporzjonat fuq il-kriżijiet tal-mument fil-headlines tal-ġurnali – il-Brexit jew l-immigrazzjoni.
    Fl-emfasi fuq l-isfida tal-mument ta’ spiss nitilfu l-perspettiva fuq il-kisbiet tal-Ewropa l-bieraħ u l-bieraħ tlula. Munita waħda, is-sigurtà’ tal-prodotti, il-protezzjoni tal-ambjent, tal-ibħra u l-kampanja, l-istandards għall-protezzjoni tal-ħaddiem u għall-protezzjoni tal-konsumatur.
    Dawn kollha huma kisbiet tal-Ewropa li llum ma jaslux sal-headlines u għaldaqstant m’humiex parti mill-miżien tagħna fuq l-Unjoni Ewropea. Il-problema iżda hija li dak li ksibna flimkien jista’ faċilment jaħarbilna minn idejna jekk il-vuċijiet populisti fl-Ewropa jirnexxielhom ikomplu jrewħu n-nar kontra l-proġett Ewropew.
    Dak li ġara fl-Ingilterra, li din il-ġimgħa ser narawha uffiċjalment tapplika biex toħroġ mill-Unjoni, jista’ jiġri bnadi oħra jekk inħallu lil min iferrex il-misinformazzjoni u jaħbi l-benefiċċji li tkun parti mill-Unjoni Ewropea.
    Biex dan ma jiġrix, jeħtieġ li dawk kollha li għadhom storja pożittiva xi jgħidu fuq l-Unjoni Ewropea jgħiduha u ma jibżgħux mill-vuċijiet ta’ dawk li jikkritikaw, għax bħal ma qal darba l-istatista Irlandiż Edmund Burke “kull ma jeħtieġ biex jirbaħ il-ħażen huwa li dawk ta’ rieda tajba jibqgħu siekta”.